Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr180434

pr180434

28/02/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jum wieħed biss differenza bejn is-sick leave fis-settur pubbliku u dak fis-settur privat

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li wara l-analiżi xjentifika li saret u li minnha rriżulta li l-ħaddiema fis-settur pubbliku jieħdu biss jum wieħed ta’ sick leave fis-sena aktar mill-ħaddiema fis-settur privat meta tqabbel like with like, l-amministrazzjoni pubblika se tkompli tibni fuq din l-analiżi u tistudja aktar fil-fond fatturi bħal attitudnijiet, sodisfazzjon u motivazzjoni tal-ħaddiema fis-settur pubbliku.

F’laqgħa mal-ġurnalisti fi tmiem kollokju bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-unions dwar ir-relazzjonijiet industrijali u r-relazzjonijiet mal-ħaddiema fis-settur pubbliku, is-Sur Cutajar qal li fost il-pubbliku kien hawn il-perċezzjoni żbaljata li l-ħaddiema tas-settur pubbliku jieħdu t-triplu tas-sick leave tal-ħaddiema fis-settur privat. Madankollu, minn stħarriġ professjonali, indipendenti u estensiv li sar – u li r-riżultati tiegħu ġew diskussi mal-unions matul il-kollokju – jirriżulta li l-ħaddiema fis-settur privat jieħdu medja ta’ 2.6 ġranet ta’ sick leave fis-sena, filwaqt li dawk fis-settur pubbliku jieħdu medja ta’ 3.6 ġranet.

Is-Sur Cutajar qal li d-diskrepanza kbira fil-figuri li kienet ikkwotat il-Malta Employers Association, meta qalet li l-ħaddiema tas-settur pubbliku jieħdu tliet darbiet aktar sick leave mill-ħaddiema tas-settur privat, kienet dovuta għall-fatt li fis-settur privat, min iħaddem mhux neċessarjament jirrapporta s-sick leave tal-impjegati tiegħu qabel ir-raba’ jum ta’ mard, filwaqt li s-sick leave fis-settur pubbliku jiġi rapportat mill-ewwel ġurnata. L-istħarriġ li sar juri li jekk wieħed iqabbel like with like, il-ħaddiema tas-settur pubbliku fir-realtà jieħdu medja ta’ ġurnata waħda biss ta’ sick leave aktar mill-ħaddiema tas-settur privat f’sena.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li minkejja r-riżultati tal-istħarriġ, jinħtieġ li ssir aktar riċerka dwar ir-raġunijiet li għalihom jittieħed is-sick leave fis-settur pubbliku. Is-sick leave huwa t-termometru li jindika l-attitudnijiet, il-livell ta’ sodisfazzjon u l-motivazzjoni tal-ħaddiema, u għalhekk l-amministrazzjoni pubblika trid tħares lejn il-prattiċi interni tagħha biex tara x’titjib jista’ jsir.

Is-Sur Cutajar kompla jgħid li s-settur pubbliku hu kburi bil-fatt li hu employer mudell fejn jidħlu miżuri għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. F’sena waħda, mad-9,000 impjegat fis-settur pubbliku qed jibbenefikaw minn dawn il-miżuri, partikolarment mit-teleworking u mill-flexitime. Din il-flessibbiltà għall-ħaddiema se tiġi estiża wkoll għall-klijenti, permezz ta’ proġett pilota li se jwessa’ l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dipartiment jew dipartimenti partikolari biex il-klijenti jkunu moqdijin aħjar filwaqt li l-ħaddiema nfushom ikollhom aktar flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol.
Is-Sur Cutajar tkellem ukoll dwar ir-relazzjonijiet industrijali fis-settur pubbliku, u qal li dawn huma f’saħħithom ħafna, kif jixraq lil settur li jagħti s-servizzi – liema servizzi jiddependu min-nies li jwassluhom. Fil-fatt kien għalhekk li fi ħdan is-Servizz Pubbliku twaqqfet il-People and Standards Division, li tgħaqqad il-kwalità tas-servizz mal-management tan-nies. Huwa importanti li lin-nies inħarsu lejhom b’mod ħolistiku, saħaq is-Sur Cutajar, fejn jitqiesu fatturi bħal żvilupp, taħriġ u sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni temm jgħid li r-relazzjonijiet industrijali f’saħħithom jixhidhom il-fatt li mill-2013 ’l hawn ġew konklużi 44 ftehim fis-Servizz Pubbliku, u 33 ftehim fl-entitajiet pubbliċi. Barra minn hekk, għaddejjin taħditiet fuq diversi ftehimiet oħra. B’kollox fis-settur pubbliku bħalissa hemm 70 ftehim fis-Servizz Pubbliku u 60 ftehim fl-entitajiet pubbliċi.