gov.mt

PR181243

PR181243

01/06/2018

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

 
“Portafoll wiesa’ li jmiss mal-komunità” – il-Ministru Owen Bonnici

“Il-Ministeru u s-Segretarjati għandhom portafoll wiesa’ li jmiss mal-komunità u minn hawn nixtieq infaħħar lill-ħaddiema tax-xogħol essenzjali li jagħmlu”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici meta indirizza laqgħa interministerjali fis-sensiela ‘Ippjanar u Twettiq’. Dawn il-laqgħat konġunti qed jiġu organizzati bejn l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u l-ministeri rispettivi. Il-laqgħa tal-lum ġiet organizzata mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Il-Ministru Bonnici tkellem dwar il-ħidma li saret fl-aħħar snin b’mod partikolari fuq ix-xogħol kollu li sar fl-aħħar sena. “Il-ħidma f’dawn is-setturi hi kontinwament għaddejja u f’din l-aħħar sena sar ħafna xogħol sfiq li qed jitwettaq b’enerġija liema bħalha sabiex inkomplu nsaħħu d-demokrazija ta’ pajjiżna, inressqu l-kultura aktar qrib tal-komunitajiet u nżidu l-effiċjenza fil-qasam ġudizzjarju. Dan kollu qed isir biex flimkien inkomplu noffru kwalità ta’ ħajja aħjar bħalma jixraqlu pajjiżna”, qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema ta’ xogħolhom li permezz tiegħu, “qed inkomplu ntejbu u nsaħħu pajjiżna biex dejjem noffru l-aħjar servizz liċ-ċittadin kif ukoll livell ta’ għajxien aħjar”.

“Noffru prodott ferm aħjar jekk naħdmu flimkien aktar milli naħdmu differenti minn xulxin” - Mario Cutajar

Fid-diskors tiegħu fil-laqgħa interministerjali, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali mhux faċli li titwettaq il-viżjoni l-ġdida għas-Servizz Pubbliku, għax jekk hawn art fertili biex jiffjorixxi l-mod tradizzjonali ta’ kif jaħdem is-Servizz Pubbliku, din tinsab f’dan il-ministeru. Dan għax fih hemm istituzzjonijiet u professjonijiet antiki kif ukoll ħafna sistemi ta’ amministrazzjoni differenti minn xulxin. Għalhekk hu aktar faċli biex ikun hemm is-silos - fejn kulħadd jaħdem għal rasu. Meta jiġri hekk, qal is-Sur Cutajar, ikun hemm ħafna duplikazzjoni ta’ xogħol u wieħed ma jasalx fejn irid jasal għax lanqas biss ikun jaf fejn sejjer.

Is-Sur Cutajar żied jgħid li l-entitajiet ma għandhomx jikkompetu ma’ xulxin iżda jikkoperaw ma’ xulxin. Meta l-entitajiet jimpikaw bejniethom ma jissodisfawx lill-klijent iżda jissodisfaw biss l-għatx tagħhom infushom. Nistgħu noffru prodott ferm aħjar jekk naħdmu flimkien aktar milli naħdmu differenti minn xulxin, sostna s-Segretarju Permanenti Ewlieni. 

Semma l-importanza tal-investiment fit-teknoloġija li qed isir fis-Servizz Pubbliku fejn fost miżuri oħra l-formoli online qed jinqalbu minn format pdf għal eforms. Tkellem ukoll dwar l-importanza tal-konsultazzjoni mal-klijenti tas-Servizz Pubbliku u fakkar li sentejn ilu, fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, kienet saret konsultazzjoni mal-ġudikatura. Qal li din il-laqgħa kienet suċċess iżda wara ma sarx follow-up tagħha meta fir-realtà laqgħat bħal dawn iridu jkunu r-rutina ta’ kif jaħdem is-Servizz Pubbliku.

Is-Sur Cutajar tkellem dwar Heritage Malta li tagħmel parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u qal li din għandha tkun l-operatur ewlieni tal-Gvern fejn jidħol il-patrimonju nazzjonali. Għalhekk qed titfassal il-filosofija għall-operat ta’ Heritage Malta fil-ġejjieni u qed isir xogħol fuq leġiżlazzjoni ġdida. Fl-2017, Heritage Malta kellha żieda fil-viżitaturi tas-siti storiċi u tal-mużewijiet u dan għax qed issejjes l-operat tagħha fuq l-erba’ pilastri li jiddefinixxu l-kwalità tas-Servizz Pubbliku u qed toffri l-pakkett bla ma tmiss il-kontabilità. 

Is-Sur Cutajar żied jgħid li wasal iż-żmien li wieħed jara kif il-bibien tal-mużewijiet nazzjonali jistgħu jibdew jinfetħu dejjem bla ħlas. Barra minn hekk, il-Main Guard fi Pjazza San Ġorġ kif ukoll iċ-ċisterni u l-mini dalwaqt se jkunu attrazzjonijiet ġodda ta’ Heritage Malta fil-Belt Valletta filwaqt li se tingħata ħajja ġdida lil Fortress Builders. Dawn kollha huma proġetti ġodda li nbdew din is-sena.
Is-Sur Cutajar semma wkoll il-kunsilli lokali u qal li f’dan is-settur tinħtieġ aktar kontabilità. Bħalma l-politiċi li jiġu eletti jsibu s-Servizz Pubbliku biex jiggwidahom u jappoġġjahom, hekk ukoll id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jrid iservi ta’ appoġġ u ta’ għajnuna biex isseħħ ir-riforma fil-qasam tal-kunsilli lokali u tiżdied il-kontabilità fix-xogħol tal-kunsilli lokali.

Is-Sur Cutajar tkellem dwar l-importanza li fis-Servizz Pubbliku jinstemgħu l-ideat ta’ kulħadd anke tal-ħaddiema ta’ isfel nett. Faħħar lit-Taqsima tat-Tindif u l-Manutenzjoni talli tapplika dan il-prinċipju fil-prattika u qal li f’dan il-qasam irridu naslu biex nadottaw il-mudell il-ġdid tad-dipartimenti tal-Gvern u jkun hemm l-istakeholders rappreżentati fit-tmexxija.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li fl-aħħar ħames snin saru passi ta’ ġgant fejn jidħlu qrati, riformi legali u kunsilli lokali u żdiedet ukoll il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema ġudizzjarja. Il-fiduċja ma tiġix mix-xejn, qal is-Sur Cutajar. Il-fiduċja tiġi bix-xogħol, bl-ippjanar u bit-twettiq f’Servizz Pubbliku fejn m’għadux kollox jgħodd.