gov.mt

pr180455

PR180455

02/03/2018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INVESTIMENT U N-NEGOZJI Ż-ŻGĦAR “Hija b’responsabbiltà kbira li meta nkunu f’quċċata ekonomika bħalma ninsabu llum, niżirgħu ż-żerriegħa għat-tkabbir sostennibbli ta’ għada” – l-Ministru Cardona

Aktar kmieni llum, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona, u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar indirizzaw it-tieni seminar interministerjali fis-sensiela ta’ seminars bit-tema ‘Ippjanar u Twettiq’. 

Id-diskussjoni fis-seminar tal-lum kienet iffukata fuq kif jista’ jkun hemm iktar sinerġija bejn is-Servizz Pubbliku u n-negozji hekk kif ninsabu fi żmien fejn qed jinkisbu riżultati eċċellenti fl-ekonomija, tant li qed tinbidel ir-realtà tan-negozji Maltin. 

Il-Ministru Cardona saħaq kif mill-bidu nett il-Gvern għażel li jkun favur in-negozji. Dan għaliex għaraf li negozji b’saħħithom huma t-triq biex ikollna pajjiż b’saħħtu. “Qed naħdmu mas-sidien ta’ negozji żgħar biex inneħħu l-ostakli eżistenti u ntejbu l-klima kummerċjali, fosthom r-regolamentazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċessi tal-Gvern”, qal il-Ministru Cardona. Huwa kompla jgħid kif instabu soluzzjonijiet għal ħafna problemi u dan sar billi ttejbet il-komunikazzjoni u r-rispons bejn il-Gvern u n-negozji. Mill-bidu nett, dan il-Gvern kien kommess li jnaqqas il-burokrazija b’25%, b’hekk inħolqot formola online li biha jista’ jitwaqqaf negozju f’anqas minn tlett ijiem.  

Il-Ministru Cardona semma’ numru ta’ inizjattivi li ttieħdu favur in-negozju tul dawn l-aħħar snin, fosthom it-tneħħija tal-maġġoranza tal-liċenzji tal-kummerċ, is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis fir-rati tal-liċenzji kummerċjali eżistenti, tnaqqis fir-rati tal-ħlas tal-liċenzji kummerċjali tal-bejjiegħa fit-toroq u fis-swieq, it-tneħħija tal-ħlas ta’ €700 biex wieħed jorgannizza fiera, u r-reviżjoni tal-ħinijet tal-ftuħ tal-ħwienet. 

Mal-4,500 klijent jagħmlu kuntatt ma’ Business 1 st fl-ewwel ħames xhur

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar iddeskriva il-Business 1st bħala storja ta’ suċċess u qal li dan is-suċċess jindikah ukoll il-fatt li fl-ewwel ħames xhur mill-ftuħ ta’ dan il-one-stop-shop għan-negozjanti fl-Imrieħel, kien hemm mal-4,500 klijent li għamlu kuntatt miegħu.

Is-Sur Cutajar qal li Business 1st hu storja ta’ suċċess għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett għax kien l-“inkubatur” għall-Key Performance Indicators, li ġew introdotti fis-Servizz Pubbliku, u allura eżerċizzju ta’ ppjanar b’oġġettivi ċari u viżjoni unika. It-tieni nett għax joffri servizz ta’ kwalità bis-sehem dirett tal-istakeholders involuti, li huwa l-ewwel pilastru minn erbgħa ta’ servizz ta’ kwalità. Fil-fatt, il-GRTU għandha postha fil-bord tat-tmexxija u għalhekk huwa aktar faċli biex il-ħtiġijiet tal-komunità kummerċjali jkunu indirizzati f’waqthom u moqdijin malajr.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li Business 1st jiġbor fih il-viżjoni għall-ġejjieni kummerċjali ta’ pajjiżna u huwa eżempju tat-titjib li qed ikun hemm fl-operat tal-bqija tas-Servizz Pubbliku. Is-Sur Cutajar spjega li s-Servizz Pubbliku tradizzjonalment safa b’sistema ta’ silos, fejn kull dipartiment jaħdem għal rasu. Business 1st huwa eżempju ta’ kif dawn is-silos jitneħħew. Fil-fatt, hawnhekk insibu sħubija interna bejn il-Malta Enterprise u d-dipartimenti tal-gvern, b’diversi dipartimenti u entitajiet irrappreżentati taħt saqaf wieħed. 

Fil-ġimgħat li ġejjin se jingħaqad taħt l-istess saqaf uffiċċju tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, filwaqt li għaddejjin taħditiet mal-Awtorità tat-Turiżmu u ma’ Transport Malta biex sa tmiem din is-sena, Business 1st isservi bħala fergħa għal dawn l-entitajiet ukoll.

Is-Sur Cutajar qal li dan kollu se jkompli jgħin biex il-burokrazija għan-negozjanti titnaqqas drastikament, wara li diġà ttieħdu passi biex min jixtieq jiftaħ negozju jkollu biss formola waħda x’jimla, minn 22 kif kienu qabel, u jistenna biss massimu ta’ tlett ijiem, minn minimu ta’ xahrejn kif kienet is-sitwazzjoni qabel. Se jitwaqqaf ukoll Business Portal li jiggwida lin-negozjanti tul il-proċess kollu tat-twaqqif ta’ negozju ġdid, biex b’hekk il-klijent ikollu one-stop-shop reali kif ukoll wieħed online.

Is-Sur Cutajar semma kif dawn l-isforzi kollha qed jiġu rikonoxxuti barra minn xtutna, fost oħrajn bir-rankings tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol l-e-government u s-sodisfazzjon tal-klijent bis-servizzi pubbliċi. Huwa qal li l-isfida għall-quddiem hi li nżommu dawn il-pożizzjonijiet u nkomplu ntejbu fuqhom.

 
​​