Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR180650

PR180650

27/03/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI, U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Proġett biex titwaqqaf Pjattaforma Nazzjonali dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa - “Twettiq ta’ policies  li huma l-qofol tal-ħidma tas-Servizz Pubbliku”

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li l-Pjattaforma Nazzjonali dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa, li tnediet illum, ma tkun tiswa xejn jekk tibqa’ biss policy jew kollezzjoni ta’ policies . “Jekk ma’ dawn ma jkunx hemm it-twettiq ta’ dawn il-policies , inkunu qed nonqsu u nieqfu fl-aktar punt importanti. Hawn qed nitkellmu fuq policies  li għandhom ikunu l-qofol tal-ħidma tas-Servizz Pubbliku,” qal is-Sur Cutajar, filwaqt li semma kif il-fiduċja fil-gvern u l-kuntentizza tal-poplu bis-servizzi pubbliċi jimxu id f’id.

Huwa kien qed jitkellem waqt seminar konġunt ieħor fis-sensiela ta’ seminars bit-tema “Ippjanar u Twettiq” li qed jiġu organizzati bejn l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u l-Ministeri. Is-seminar tal-lum ġie organizzat flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa u fih tnieda proġett li għandu l-għan li tiġi stabbilita Pjattaforma Nazzjonali biex tindirizza d-Determinanti Soċjali tas-Saħħa. Biex jitwettaq dan il-proġett, il-Ministeru għas-Saħħa rċieva għotja ta’ €2.2 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew taħt l-iskema ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014 - 2020.

Fid-diskors tiegħu, Mario Cutajar qal li dan tal-lum kien seminar b'differenza, għax filwaqt li bħal seminars ta' qablu qed issir enfasi fuq l-ippjanar, il-ħidma qed tinfirex ukoll fost il-ministeri kollha biex ikunu minfuda s-​silos li qed iżommu ħidma aktar ħolistika u biex jinħolqu pontijiet permanenti bejn il-ministeri, id-dipartimenti u l-entitajiet.

Il-kelliem qal li l-proġett tal-Pjattaforma jinkludi riċerka fost il-pubbliku u fost amministraturi fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll taħriġ lil diversi professjonisti u kampanji ta’ għarfien. Din il-ħidma għandha żewġ lati. L-ewwel lat jeħodna fl-aspett importanti tas-Servizz Pubbliku fejn se nkunu qed immissu mal-ewwel pilastru mill-erbgħa li fuqhom tistrieħ il-kwalità tas-Servizz Pubbliku, jiġifieri l-vuċi tal-klijenti. F’dan ir-rigward se tkun qed tissaħħaħ il-prevenzjoni tal-problemi.

Is-Sur Cutajar semma kif wara li fis-Servizz Pubbliku ġew introdotti l-Key Performance Indicators, issa se jsir pass aktar ambizzjuż fejn is-Servizz Pubbliku se jgħaddi għall-accelerators. Dan ifisser li meta jinqalgħu problemi ta’ impatt wiesa’, id-dipartimenti u l-ministeri jingħaqdu biex il-problemi jiġu solvuti fl-iqsar żmien possibbli.

It-tieni lat jeħodna fil-qofol tal-problema, jiġifieri li l-iżvantaġġ ekonomiku jwassal għat-telfien ta’ opportunitajiet edukattivi, li jista’ jintrabat ma’ nuqqas ta’ saħħa ħtija ta’ nuqqas ta’ għarfien. F’dan is-sens, l-edukazzjoni u s-saħħa – żewġ drittijiet fundamentali ta’ kull bniedem – huma marbutin flimkien.

Is-Sur Cutajar qal li s-suċċess tas-soċjetà jitkejjel mill-qagħda tal-inqas fost il-membri tagħha. Hawn fejn irid ikun assigurat li l-ġid li jinħoloq jinżel ’l isfel fis-soċjetà. Tajjeb li nitkellmu fuq faqar, anke jekk l-istatistika turi li l-faqar fil-pajjiż naqas ħafna f’kull kategorija ta’ kif jiġi kkalkulat. Imma lil hinn mill-istatistika hemm in-nies u hemm kemm hemm b’opportunitajiet nieqsa, irridu nindirizzawhom, saħaq il-kelliem.

Żied jgħid li l-fiduċja tan-nies fil-gvern fit-totalità tiegħu u l-kuntentizza tan-nies bis-servizzi pubbliċi jimxu id f’id. Fil-fatt, skont il-Eurobarometer, bejn l-2010 u l-2016 f’pajjiżna l-fiduċja fil-gvern żdiedet b’20%, li hija l-akbar żieda fl-Ewropa. Dan filwaqt li fl-aħħar erba’ snin is-Servizz Pubbliku rċieva rikonoxximent wara l-ieħor għall-ħidma tiegħu.

Il-kelliem qal li l-ġerarkija tal-ħtiġijiet turi ċar li ma tistax tilħaq miri oħra qabel ikollok is-serħan il-moħħ fuq il-bażiku. “Hawn allura mhux qed nitkellmu biss fuq stħarriġ u kampanji u taħriġ. Inkunu waqafna nofs triq jekk dak li nsibu ma ndawruhx f’soluzzjonijiet li jgħollu lin-nies. Ħajja aħjar għan-nies tkabbar il-fiduċja fis-soċjetà li tagħti lill-membri tagħha d-drittijiet bażiċi li wieħed minnhom huwa għajxien b’saħħtu,” temm jgħid is-Sur Cutajar.

“Is-surplus u t-tkabbir ekonomiku li qed igawdi pajjiżna mhuwiex ‘an end in itself’, imma a ‘means to an end’” – Is-Segretarju Parlamentari Dr Aaron Farrugia

Is-seminar kien indirizzat ukoll mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, Dr Aaron Farrugia, li saħaq li is-surplus u t-tkabbir ekonomiku li qed igawdi pajjiżna mhuwiex an end in itself, imma a means to an end. Huwa qal li għaldaqstant il-frażi prosperity with a purpose tgħodd ħafna għall-mod kif qed jopera dan il-Gvern għaliex il-prosperità ta’ pajjiżna qiegħda hemmhekk biex isservi liċ-ċittadini tal-lum u lill-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Dr Farrugia tkellem fuq kif is-servizz tas-saħħa li qed jipprovdi l-Gvern huwa wieħed state of the art, fil-ħin u bla dewmien. Dan is-servizz ħafna drabi jittieħed bħala xi ħaġa fatta, sostna Farrugia. Huwa qal li bil-proġett imniedi llum, il-Gvern qed iħares lejn id-determinanti soċjali tas-saħħa u b’hekk qed jilħaq liċ-ċittadin u lill-familji qabel dawn jirrikorru għas-servizz. Is-Segretarju Parlamentari spjega li hemm fatturi fejn tidħol is-saħħa bħal ċertu mard kroniku li ftit li xejn tista’ tagħmel dwarhom. Madanakollu hemm fatturi oħrajn li jistgħu jiġu influwenzati bħal fatturi li jippromwovu s-saħħa, inklużjoni soċjali u kundizzjonijiet ta’ għajxien.

Dr Farrugia tkellem ukoll fuq kif dan il-proġett għandu valur ta’ €2.2 miljun, u huwa kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew. Huwa qal li apparti li ser titwaqqaf Pjattaforma Nazzjonali biex tindirizza d-Determinanti Soċjali tas-Saħħa, ser issir ukoll riċkera u analiżi fuq id-determinanti soċjali tas-saħħa f’Malta. Barra minn hekk, aktar minn 700 persuna ser jingħataw taħriġ biex ikun hawn aktar expertise lokali u ser jingħata capacity building lill-edukaturi fuq l-inugwaljanzi u d-determinanti soċjali tas-saħħa.

Dr Charmaine Gauci, Supretendent għas-Saħħa Pubblika, spjegat kif il-fatturi soċjo-ekonomiċi qed jaffettwaw is-saħħa tal-poplu u x’jinvolvi dan il-proġett. Hija qalet li l-proġett jorbot max-xogħol tal-Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u jinkwadra tajjeb fil-politika tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa sas-sena 2020.

Is-seminar kien indirizzat ukoll minn Dr Chris Brown, Manager għall-Ekwità fis-Saħħa u Determinanti Soċjali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa fir-reġjun tal-Ewropa. Hija esprimiet sodisfazzjon li Malta talbet u ngħatat dawn il-fondi u saħqet li jekk pajjiż jindirizza l-problemi soċjo-ekonomiċi, itejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni. Hija wiegħdet l-appoġġ tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa f’dan il-proġett.​​​