Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR180999

PR180999

07/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018: Servizzi pubbliċi għand kulħadd kullimkien

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 se ssir mill-Ġimgħa 18 sal-Ħadd 27 ta’ Mejju, bit-tema ‘Servizzi pubbliċi għand kulħadd kullimkien’. Din hija ġimgħa li s-Servizz Pubbliku jorganizza kull sena biex jirrikonoxxi l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi biex il-pubbliku jkollu aktar għarfien dwar din il-ħidma, u biex isiru konsultazzjonijiet mal-istakeholders (klijenti).

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku se tibda b’konferenza li se ssir il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju u li għaliha se jkunu mistiedna l-ogħla uffiċjali pubbliċi biex flimkien jagħtu ħarsa lejn il-ħidma li saret mis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin filwaqt li jiddiskutu l-viżjoni għall-ġejjieni u l-għanijiet li għad iridu jitwettqu.

Is-Sibt u l-Ħadd, 19 u 20 ta’ Mejju, is-Servizz Pubbliku se jersaq qrib il-klijenti tiegħu permezz ta’ attivitajiet għall-familja kollha. Fl-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Ħal Far, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jorganizza open weekend fejn wieħed jista’ jara mill-qrib kif dan id-dipartiment jagħti servizz u protezzjoni. Barra minn hekk, Heritage Malta se tkun qed tiftaħ bla ħlas il-mużewijiet u s-siti storiċi matul il-jum tal-Ħadd, inklużi t-tempji ta’ Kordin li normalment jinżammu magħluqin.

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tkompli b’sensiela ta’ laqgħat għall-klijenti fejn se jiġu diskussi x-xiri pubbliku, l-edukazzjoni, il-kummerċ, l-arti u l-għaqdiet volontarji. Se ssir ukoll attività ta’ rikonoxximent biex is-Servizz Pubbliku jrodd ħajr lill-uffiċjali pubbliċi li ressqu l-ideat tagħhom dwar kif jista’ jitjieb l-operat tiegħu. Attività oħra se tkun dik fejn is-Servizz Pubbliku jagħti xhieda ta’ kontabilità permezz ta’ pubblikazzjoni fejn jagħti rendikont tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni li twettqu fl-2017.

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tasal fi tmiemha b’żewġ attivitajiet oħra għall-familja. Is-Sibt 26 ta’ Mejju fil-Belt Valletta se jsir kunċert konġunt mill-Banda tal-Forzi Armati u mill-Banda tal-Pulizija. L-għada, il-Ħadd 27 ta’ Mejju, matul il-ġurnata kollha id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti se jiftaħ il-bibien tiegħu biex il-pubbliku jsir jaf aktar dwar il-ħidma ta’ dan id-direttorat u l-istorja interessanti tas-sit fejn jinsab.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 hija mod kif is-Servizz Pubbliku jwassal l-għanijiet u l-viżjoni ċara li jrid iwettaq biex is-servizzi li joffri jkunu tal-ogħla kwalità u jaslu għand kulħadd kullimkien. “Se nindirizzaw l-aktar parti importanti tas-servizz ta’ kwalità, jiġifieri l-vuċi tal-klijent, filwaqt li nirrikonoxxu lil min għamel sforz biex jitwettaq it-tiġdid li għaddej fis-Servizz Pubbliku. Se nkunu wkoll qed niffokaw fuq servizzi li qajla wieħed jagħti kas li huma servizzi pubbliċi, u dan permezz tal-attivitajiet edukattivi u divertenti li se norganizzaw għall-familji”, qal is-Sur Cutajar.