gov.mt

pr181048

PR181048

14/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Kelliema barranin se jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fil-konferenza tal-ftuħ tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku

Żewġ esperti barranin se jkunu qed jindirizzaw il-konferenza li biha se tinfetaħ il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018. Il-konferenza se ssir nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju u għaliha se jkunu mistiedna l-ogħla uffiċjali pubbliċi biex flimkien jagħtu ħarsa lejn il-ħidma li saret mis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin filwaqt li jiddiskutu l-viżjoni għall-ġejjieni u l-għanijiet li għad iridu jitwettqu.

Il-kelliema barranin huma l-Professur Rob Briner mill-Università Queen Mary ta’ Londra u s-Sur Mansoor Mohammed Al Marzooqi mill-Abu Dhabi Smart Solutions & Services Authority (ADSSSA). Il-Professur Briner se jagħmel diskors dwar l-ippjanar u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, filwaqt li s-Sur Al Marzooqi se jittratta l-esperjenza tal-Online Government fl-Emirati Għarab Magħquda.

Rob Briner huwa Professur tal-Psikoloġija Organizzattiva fl-Università Queen Mary ta’ Londra kif ukoll Direttur Xjentifiku tas-Center for Evidence-Based Management. Huwa għamel riċerka dwar diversi suġġetti, fosthom l-emozzjonijiet, l-istress, l-etniċità, in-nuqqas ta’ attendenza fuq il-post tax-xogħol, il-motivazzjoni, u l-imġiba fuq ix-xogħol. 

Lil hinn mir-riċerka akkademika, huwa jgħin lil organizzazzjonijiet biex jagħmlu l-aħjar użu mill-evidenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jħeġġeġ lill-akkademiċi biex jagħmlu r-riċerka aktar aċċessibbli. Irċieva għadd ta’ premjijiet għall-ħidma tiegħu f’dan il-qasam, fosthom l-Academic Contribution to Practice Award fl-2014. Ismu kien fuq nett tal-lista ta’ L-Aktar Ħassieba Influwenti fir-rivista HR Magazine fl-2016.

Is-Sur Mansoor Mohamed Al Marzooqi huwa Senior Manager għall-Istrateġija u l-Ippjanar fl-ADSSSA, li hija l-awtorità governattiva responsabbli mill-aġenda tat-teknoloġija tal-informatika ta’ Abu Dhabi. Huwa għandu esperjenza ta’ aktar minn 12-il sena fil-management strateġiku, partikolarment fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika, u ħadem fis-settur taż-żejt u l-gass minbarra mal-gvern.

Fil-preżent huwa responsabbli mill-istrateġiji ta’ e-Government u Mobile Government tal-gvern ta’ Abu Dhabi, liema strateġiji għandhom l-għan li joffru esperjenza eċċellenti lill-klijenti tas-servizzi governattivi kif ukoll li jwasslu għal wieħed mill-aqwa gvernijiet diġitali. Huwa ngħata diversi premjijiet u rikonoxximenti għall-ħidma tiegħu, fosthom il-UN-ITU World Summit on Information Society Award u l-Abu Dhabi Industry Award.

L-esperjenza vasta ta’ dawn iż-żewġ kelliema bla dubju se tkun utli ħafna għall-uffiċjali pubbliċi li se jattendu l-konferenza u li se jkomplu jwettqu l-viżjoni tas-Servizz Pubbliku għal servizzi pubbliċi għand kulħadd kullimkien.

 
​​​