Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr181073

PR181073

16/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI It-triq ’il quddiem għas-Servizz Pubbliku diskussa f’workshops fil-konferenza ta’ nhar il-Ġimgħa

Il-viżjoni għall-ġejjieni għas-Servizz Pubbliku, u l-mod prattiku kif din se titwettaq, se jiġu diskussi f’diversi workshops fil-konferenza li biha se tinfetaħ il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018. Il-konferenza se ssir nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju u għaliha se jkunu mistiedna l-ogħla uffiċjali pubbliċi biex flimkien jagħtu ħarsa lejn il-ħidma li saret mis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin filwaqt li jiddiskutu l-għanijiet li għad iridu jitwettqu.

It-temi ewlenin li se jiġu diskussi fil-workshops huma ‘L-Ippjanar fil-Prattika’, ‘People Management’, ix-xiri pubbliku u r-riforma fir-regolamenti finanzjarji, kif ukoll l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Kodiċi ta’ Etika.

Il-workshop dwar l-ippjanar fil-prattika se jitmexxa mill-Professur Rob Briner mill-Università Queen Mary ta’ Londra. F’dan il-workshop se jieħdu sehem uffiċjali pubbliċi li parti mill-ħidma tagħhom tirrikjedi t-twettiq tal-proġetti tal-amministrazzjoni pubblika.

Dr Joyce Cassar, Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards) se tkun qed tmexxi l-workshop dwar people management. Dan il-workshop se jkun ta’ interess partikolari għad-diretturi fis-Servizz Pubbliku li jaħdmu fl-oqsma tar-riżorsi umani u s-servizzi korporattivi.

Il-workshop dwar ix-xiri pubbliku u r-riforma fir-regolamenti finanzjarji se jittratta dak li jrid ikompli jitwettaq wara r-riforma kbira li saret f’dawn l-aħħar snin fis-Servizz Pubbliku f’dan ir-rigward. Fih se jieħdu sehem uffiċjali għolja li jaħdmu fil-qasam tal-finanzi u x-xiri pubbliku. Dan il-workshop se jitmexxa mis-Sur Joseph Caruana, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Finanzi (Integrazzjoni u Amministrazzjoni).

Is-Sinjura Joyce Dimech, Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Strateġija u Implimentazzjoni) se tmexxi l-workshop b’rabta mal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Kodiċi ta’ Etika. Dan il-workshop huwa maħsub bħala pjattaforma ta’ konsultazzjoni mal-ogħla uffiċjali fis-Servizz Pubbliku dwar l-emendi u t-tisħiħ tal-liġi msemmija.

Il-konferenza ta’ nhar il-Ġimgħa li ġej, mifruxa fuq jum sħiħ, se toffri opportunità siewja lill-ogħla uffiċjali pubbliċi biex jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom filwaqt li jiddiskutu t-twettiq tal-viżjoni tas-Servizz Pubbliku għal servizzi pubbliċi għand kulħadd kullimkien.

F’kumment dwar din il-konferenza, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li, kif ġara fil-konferenzi ta’ edizzjonijiet tal-imgħoddi tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, il-konferenza ta’ nhar il-Ġimgħa se tkun qed tippjana għall-ġejjieni u tiddiskuti dak li l-aktar qed jolqot lis-Servizz Pubbliku f’dan l-istadju. “Meta wieħed iqis li l-programm ta’ ħidma mħejji għas-sena d-dieħla jrid ikun komplut biex nibdew l-implimentazzjoni tiegħu f’waqtha, il-kontribut tal-ogħla karigi tat-tmexxija fis-Servizz Pubbliku huwa siewi ħafna”, qal is-Sur Cutajar.