gov.mt

pr181109

PR181109

18/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI “Is-Servizz Pubbliku huwa parti kbira mis-suċċess ta’ pajjiżna” – Il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-Servizz Pubbliku huwa parti kbira mis-suċċess ta’ pajjiżna u ċ-ċavetta biex il-viżjoni tal-gvern titwettaq. Huwa kien qed jitkellem f’konferenza għall-ogħla uffiċjali tas-Servizz Pubbliku li permezz tagħha ngħata bidu għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018, li għandha t-tema ‘Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien’.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li s-Servizz Pubbliku għaraf kmieni ħafna l-attitudni li dan huwa gvern li mhuwiex kuntent bl-istatus quo, u adatta b’mod mgħaġġel ħafna għaliha. Hija din is-sinkronizzazzjoni u allinjament mal-ħsieb ġenerali tal-Gvern li jagħmel lis-Servizz Pubbliku parti kbira mis-suċċess ta’ pajjiżna. Jekk l-ekonomija sejra tajjeb, huwa wkoll mertu tal-uffiċjali pubbliċi għax tejbu l-effiċjenza tas-Servizz Pubbliku. Jekk in-negozju sejjer tajjeb huwa mertu tal-fatt li qed isib lill-uffiċjali pubbliċi li jagħtuh servizz effiċjenti u juruh li jirrikonoxxu l-fiduċja li qed juri f’pajjiżna. Jekk qed jonqos il-faqar f’pajjiżna u qed jitjiebu s-servizzi soċjali, huwa wkoll mertu tal-uffiċjali pubbliċi għax min hu fil-bżonn u qed jiġi jħabbat il-bieb tal-gvern qed isib Servizz Pubbliku li jagħti l-id tal-għajnuna u widna lil dawk li l-iktar għandhom bżonn. Is-Servizz Pubbliku huwa ċ-ċavetta biex il-viżjoni tal-Gvern titwettaq, saħaq il-Prim Ministru.

“Servizz Pubbliku li jippjana u jwettaq biex inħallu warajna pajjiż aħjar milli sibna” – Mario Cutajar

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, li ta ħarsa lejn dak li s-Servizz Pubbliku rnexxielu jwettaq f’dawn l-aħħar ħames snin u elenka dak li ġie ppjanat li jsir fix-xhur u s-snin li ġejjin biex is-Servizz Pubbliku jwettaq il-viżjoni tiegħu li jkun servizz ta’ eċċellenza għal kulħadd kullimkien.

Is-Sur Cutajar qal li kellna Servizz Pubbliku li dara b’ċentralizzazzjoni esaġerata u kultura li twassal il-messaġġ minn fuq għal isfel bla ma tisma’ l-ideat li ġejjin minn isfel. Kien għalhekk li nħolqu strutturi bħall-inizjattiva IDEA. Kellna wkoll Servizz Pubbliku li ma kienx jirrikonoxxi klijenti u għalhekk ittieħdu passi bħall-konsultazzjoni mal-istakeholders. 

Business 1st huwa eżempju ħaj tas-sehem dirett tal-istakeholders, u fuq dan il-mudell se jinbnew proġetti oħra fil-ġejjieni, fosthom Ambjent Malta fejn fi struttura waħda se jkun hemm l-involviment tal-istakeholders u t-twettiq tal-funzjoni tad-dipartimenti u hekk tkun assigurata l-kontabilità. Id-delegazzjoni tal-awtorità se tkompli b’aktar saħħa s-sena d-dieħla, biex id-deċiżjonijiet fid-dipartimenti u l-ministeri jkunu jistgħu jittieħdu b’aktar ħeffa u b’moniteraġġ kontinwu fl-istess ħin, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni. 

Huwa semma l-qalba minn kuntratti definiti għal kuntratti indefiniti u qal li minkejja l-kritika li ssir, bit-tibdil li sar twettqet ġustizzja u l-uffiċjali pubbliċi ngħataw serħan il-moħħ. Dan l-istess serħan il-moħħ jingħata b’aktar minn 70 ftehim kollettiv li hemm bħalissa fis-settur pubbliku, qal il-kelliem filwaqt li radd ħajr lit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali (IRU) għall-bilanċ li tipprova żżomm filwaqt li twettaq il-viżjoni tal-gvern.

Is-Sur Cutajar semma r-riżultati tanġibbli ta’ dak kollu li rnexxielu jwettaq is-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar ħames snin, fosthom it-tnaqqis drastiku—minn 242 jum għal 84 jum—fiż-żmien biex jiġi proċessat tender; medja ta’ 3500 klijent kull xahar fil-one-stop-shops fil-komunità; medja ta’ 30,000 telefonata kull xahar fuq in-numru 153; u r-rikonoxximenti internazzjonali li qed jingħata s-Servizz Pubbliku għall-ħidma tiegħu. B’riżultati bħal dawn, is-Servizz Pubbliku ma jiddejjaq xejn ipoġġi l-ħidma tiegħu għall-iskrutinju tal-poplu biex b’hekk il-kontabilità tiegħu tibqa’ kontinwa.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-pjan għas-Servizz Pubbliku għas-sena d-dieħla jinkludi fost oħrajn riformi f’diversi dipartimenti, aktar konkorrenza għas-servizzi online, kif ukoll li s-Servizz Pubbliku jkompli joqrob lejn it-twettiq tal-prinċipju “Write Only Once” permezz ta’ investiment qawwi fit-teknoloġija biex id-databases tad-dipartimenti jitqarrbu lejn xulxin.

Dan kollu qed isir biex inħallu warajna pajjiż aħjar milli sibna, temm jgħid is-Sur Cutajar.





 
​​