gov.mt

PR181125

PR181125

19/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Il-pubbliku jirrikorri bi ħġaru għall-attività ‘Servizz u Protezzjoni’ bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku

Mijiet ta’ familji llum raw mill-qrib kif jaħdem id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-ewwel ġurnata tal-open weekend organizzat bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018. L-open weekend, bit-tema ‘Servizz u Protezzjoni’ qed isir fl-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Ħal Far.

Matul il-jum kollu, tfal u adulti kellhom l-opportunità li jaraw wirjiet ta’ tifi tan-nar, wirjiet tal-klieb, wirjiet bil-ħbula, simulazzjoni ta’ inċidenti tat-traffiku, u wirjiet statiċi bil-vetturi. Kellhom ukoll opportunitajiet ta’ ritratti, filwaqt li ħadu sehem f’logħob edukattiv. Fil-post kien hemm ukoll uħud mit-22 fire engine ġdida li nxtraw f’dawn l-aħħar erba’ snin u li huma parti minn programm ta’ tisħiħ biex tinbidel il-flotta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-wirjiet kienu kontinwi u fihom kienu involuti t-taqsimiet kollha tal-Protezzjoni Ċivili. Fost oħrajn, kien hemm salvataġġ ta’ persuni minn tifrik ta’ karozza bl-għajnuna ta’ għaqdiet volontarji bħala paramediċi, tifi ta’ nar industrijali, wirjiet mis-Sezzjoni Marittima b’simulazzjoni ta’ tixrid ta’ kimika fejn intwera l-proċess tad-decontamination shower u l-prekawzjonijiet meħtieġa, kif ukoll wirjiet mit-taqsima tal-USAR.

L-open weekend tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li jkompli għada l-Ħadd, huwa opportunità biex il-pubbliku jersaq eqreb lejn is-Servizz Pubbliku, partikolarment lejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u jara mill-qrib il-ħidma vasta ta’ dan id-dipartiment filwaqt li jitgħallem dwar kif jista’ jevita inċidenti li jistgħu jinqalgħu.

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, bit-tema ‘Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien’, tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju, b’diversi attivitajiet maħsuba biex tkun rikonoxxuta l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi, biex il-pubbliku jkollu aktar għarfien dwar din il-ħidma, u biex isiru konsultazzjonijiet mal-klijenti tas-Servizz Pubbliku.​

​​