Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR181128

PR181128

20/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Il-kultura u l-istorja jitqarrbu lejn il-poplu fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku

Eluf ta’ nies illum ħadu l-opportunità offruta lilhom minn Heritage Malta biex iżuru s-siti storiċi u l-mużewijiet f’Malta bla ħlas. Din kienet attività oħra għall-familja kollha organizzata bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018.
Is-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta miftuħin b’xejn kienu l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, l-Armerija tal-Palazz tal-Gran Mastru, il-Kmamar Statali fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, il-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Mużew Marittimu, il-Forti Sant’Anġlu, it-tempji ta’ Ħal Tarxien, Għar Dalam, it-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, id-Domvs Romana u l-Katakombi ta’ San Pawl.
 
Il-pubbliku kellu wkoll l-opportunità li jżur it-tempji ta’ Kordin, li normalment jinfetħu biss b’appuntament. F’dawn it-tempji, matul il-ġurnata kollha, saru tours kull siegħa minn gwidi ta’ Heritage Malta.
 
Attrazzjonijiet oħrajn matul il-jum tal-Ħadd kienu ż-żewġ wirjiet tal-arti li għaddejjin bħalissa f’siti ta’ Heritage Malta. Dawn huma ‘Picasso and Miró: The flesh and the spirit’ fil-kmamar statali tal-Palazz u ‘The Schranz family of artists: A journey of rediscovery’ fil-Forti Sant’Iermu.
 
Bosta kienu dawk li dalgħodu raw il-parata ‘In Guardia’ li saret fil-Forti Sant’Anġlu bħala parti minn din l-attività wkoll.
 
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, żar din l-open day ta’ Heritage Malta organizzata bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018.
Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018, bit-tema ‘Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien’, tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju, b’diversi attivitajiet maħsuba biex tkun rikonoxxuta l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi, biex il-pubbliku jkollu aktar għarfien dwar din il-ħidma, u biex isiru konsultazzjonijiet mal-klijenti tas-Servizz Pubbliku.​
​​​