Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr181127

PR181127

20/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Konkorrenza qawwija għall-open weekend ‘Servizz u Protezzjoni’ bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku

L-open weekend organizzat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 kien suċċess kbir, hekk kif mijiet ta’ familji s-Sibt u l-Ħadd żaru l-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Ħal Far u ħadu sehem fl-attivitajiet imħejjijin għalihom f’dan l-open weekend li kellu t-tema ‘Servizz u Protezzjoni’.

Fost dawn l-attivitajiet, kien hemm wirjiet ta’ tifi tan-nar, wirjiet tal-klieb, wirjiet bil-ħbula, simulazzjoni ta’ inċidenti tat-traffiku u wirjiet statiċi bil-vetturi. Il-viżitaturi kellhom ukoll opportunitajiet ta’ ritratti, filwaqt li ħadu sehem f’logħob edukattiv u raw kif isir salvataġġ ta’ persuni minn tifrik ta’ karozza, kif isir tifi ta’ nar industrijali, u x’passi jittieħdu meta tinxtered kimika.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, żar dan l-open weekend organizzat bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018.

L-open weekend tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien attività oħra fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018, li għandha t-tema ‘Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien’. Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju, b’diversi attivitajiet maħsuba biex tkun rikonoxxuta l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi, biex il-pubbliku jkollu aktar għarfien dwar din il-ħidma, u biex isiru konsultazzjonijiet mal-klijenti tas-Servizz Pubbliku.

 
​​