gov.mt

PR181134

PR181134

21/05/2018

TQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tkompli b’rikonoxximent lil uffiċjali pubbliċi għall-ideat tagħhom

L-attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 komplew b’ċerimonja ta’ għoti ta’ premjijiet fejn ingħata rikonoxximent lil diversi uffiċjali pubbliċi li s-sena li għaddiet ressqu l-ideat tagħhom biex jitjieb l-operat tas-Servizz Pubbliku. Fiċ-ċerimonja ntwera wkoll rikonoxximent b’rabta mal-miżuri ta’ simplifikazzjoni implimentati matul l-2017 u ngħataw ukoll achievement awards.

F’diskors li għamlet, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli qalet li tul l-aħħar ħames snin il-pubbliku seta’ jara l-progress li sar fit-tnaqqis tal-burokrazija grazzi għat-tmexxija tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. Żiedet tgħid li fl-aħħar sena rat ħaddiema dedikati li jaħdmu bil-galbu u mill-qalb u sostniet li l-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku m’għandhom xejn inqas minn dawk tas-settur privat u temmen li huma - bħala r-riżorsa umana - huma l-qalb li tħabbat u li tgħajjex l-akbar ażjenda f’Malta.

L-inizjattiva IDEA qed ittejjeb l-operat tas-Servizz Pubbliku u permezz tagħha l-Gvern qed jistieden lill-uffiċjali pubbliċi biex ikunu parteċipi fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet. Din hi prova ċara ta’ kemm dan il-gvern hu miftuħ għall-bidla, qalet is-Segretarju Parlamentari. Saħqet li s-settur pubbliku jrid ikun aktar customer u goal-oriented u l-introduzzjoni tal-KPIs, il-one-stop shops, servizz.gov, il-freephone 153 u l-mystery shoppers jgħinu biex jintlaħaq dan l-għan.     

“Ir-riforma fis-settur pubbliku tirrivolvi madwar l-interessi tal-konsumaturi għax qabelxejn aħna qegħdin hawn biex inservu lill-pubbliku bl-aħjar mod possibbli”, spjegat is-Segretarju Parlamentari. Hi awgurat lill-uffiċjali pubbliċi li ġew rikonoxxuti għall-ideat tagħhom u għall-impatt pożittiv li rnexxielhom iħallu, kif ukoll liż-żewġ ministeri li rnexxielhom imexxu bl-eżempju għax wettqu l-akbar numru ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni jew wettqu l-aktar miżura li laqtet l-iżjed nies b’mod dirett.

“Ċerimonja li tfisser ħafna għax tirrikonoxxi l-kontribut biex is-Servizz Pubbliku jitjieb” - Mario Cutajar

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li ċ-ċerimonja tal-lum tfisser ħafna għax tirrikonoxxi l-kontribut biex is-Servizz Pubbliku jkompli jitjieb. Hu elenka diversi deċiżjonijiet li ttieħdu mit-tmexxija tas-Servizz Pubbliku mill-2013 ’il hawn u li kienu jirrigwardaw lin-nies. Fost dawn kien hemm l-inizjattiva IDEA li ttieħdet biex jitneħħa d-distakk enormi li kien hemm bejn min jieħu d-deċiżjonijiet u min jagħmel ix-xogħol biex jiġu implimentati. 
Deċiżjoni oħra kienet li t-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali titneħħa min-naħa tal-finanzi u titpoġġa fis-sezzjoni li kienet magħrufa bħala PAHRO. Dan sar biex jitwettaq il-prinċipju li n-nies inħarsu lejhom fit-totalità tagħhom. Barra minn hekk, il-kwalità tas-servizz ingħaqdet mal-immaniġġjar tan-nies bit-twaqqif tal-People and Standards Division li ħadet post il-PAHRO. B’hekk bdiet titneħħa l-idea ta’ maniġġjar ta’ riżorsi umani u bdiet titwettaq viżjoni aktar ambizzjuża ta’ maniġġjar tan-nies fit-totalità tiegħu, qal is-Sur Cutajar.

Semma r-rikonoxximent li qed jingħata s-Servizz Pubbliku internazzjonalment meta sa ħames snin ilu biss kien meqjus bħala issue għall-pubbliku ġenerali. Fost dawn hemm il-premju Service Design Award li servizz.gov rebaħ f’Novembru li għadda; il-klassifikazzjoni ta’ Malta fl-ewwel post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dawk li huma servizzi online u r-riżultati tal-European Quality of Life Survey fejn Malta klassifikat fit-tielet post f’dak li għandu x’jaqsam mal-perċezzjoni tal-kwalità fis-servizzi pubbliċi.

Fiċ-ċerimonja tal-lum sitt uffiċjali pubbliċi ġew premjati għall-ideat li ressqu s-sena li għaddiet biex jitjieb l-operat tas-Servizz Pubbliku. Fir-rigward ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni ngħataw żewġ premjijiet: wieħed lill-Ministeru għas-Saħħa b’rikonoxximent għall-akbar numru ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni implimentati fl-2017 u l-ieħor lill-Ministeru għall-Finanzi b’rikonoxximent għall-implimentazzjoni tal-miżura ta’ simplifikazzjoni fl-2017 li laqtet l-akbar numru ta’nies. 

Ingħataw ukoll żewġ achievement awards: wieħed lil servizz.gov b’rikonoxximent għall-ħidma mwettqa fl-2017 u l-ieħor lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza b’rikonoxximent għall-ħidma mwettqa b’rabta mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel sitt xhur tal-2017.