Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR181146

PR181146

22/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Varata skema ġdida għat-twaqqif ta’ koperattivi fis-Settur Pubbliku

Bħala parti mill-attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018, illum ġiet varata skema ġdida għat-twaqqif ta’ koperattivi fis-Settur Pubbliku. L-iskema l-ġdida tħabbret f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar.

Is-Sur Cutajar spjega li din l-iskema se tieħu post iż-żewġ skemi eżistenti. Koperattivi ġodda minn issa ’l quddiem se jkunu reġistrati biss taħt l-iskema l-ġdida. Din l-iskema qed issir biex aktar gruppi ta’ ħaddiema jiġu mħajra jingħaqdu f’koperattivi, bl-għan li tiżdied l-effiċjenza u l-produttività fis-Settur Pubbliku u jitkattar il-ġid għall-ħaddiema li jieħdu sehem.

Biex tkun offruta assistenza għal min jixtieq iwaqqaf jew jissieħeb f’koperattiva, se titwaqqaf sezzjoni apposta fi ħdan il-People and Standards Division li se tgħin fil-qasam maniġerjali kif ukoll fl-aspett finanzjarju u ż-żamma tal-accounts.

Permezz tal-iskema l-ġdida, issa se jkun hemm mhux inqas minn ħames membri f’kull koperattiva, filwaqt li l-iskemi li qed jiġu rtirati kienu jirrikjedu seba’  membri. 

Barra minn hekk, issa se jkun hemm terminu ċar ta’ żmien  (xahar) sa meta għandha tiġi evalwata mis-Segretarju Permanenti kull talba biex tinħoloq koperattiva. F’każ li ma tingħatax risposta, it-talba titqies bħala approvata b’mod awtomatiku.

Bl-iskema l-ġdida se jkun hemm ukoll demarkazzjoni ċara bejn l-irwoli tad-Direttur tad-Dipartiment konċernat u l-koperattiva nfisha. Barra minn hekk, meta koperattiva tiftaħ kont bankarju f’isimha, dan irid ikollu tal-inqas żewġ firmatarji li jkunu membri fil-kumitat tat-tmexxija tal-koperattiva. Skema B li qed tiġi rtirata kienet tirrikjedi żewġ firmatarji li wieħed minnhom kien id-Direttur tad-Dipartiment.

Issa l-operat u l-andament tal-koperattiva se jkunu suġġetti għall-iskrutinju mis-Segretarju Permanenti rispettiv u għall-awditjar intern mill-Internal Audit and Investigations Department (IAID), u b’hekk se tiżdied il-kontabilità li hi waħda mill-ogħla valuri tas-Servizz Pubbliku. Ir-rapporti tal-IAID se jibdew jintbagħtu lis-Segretarju Permanenti rispettiv għall-follow-up neċessarju.
Is-Sur Cutajar qal li għada l-Erbgħa se tinħareġ ċirkolari lill-ħaddiema kollha fis-Settur Pubbliku fejn dan kollu se jiġi spjegat lilhom u fejn se jingħataw tagħrif dwar il-kriterji u l-kundizzjonijiet ġodda ta’ kif għandha titwaqqaf u topera kull koperattiva.

Huwa żied jgħid li l-iskema l-ġdida turi r-rieda li dak li waqaf milli jkompli jsir, issa se jingħata ritmu ġdid u se jiġi aġġornat għaż-żminijiet tal-lum biex kull min jinteressah li jwaqqaf koperattiva fis-Settur Pubbliku jsib l-istrutturi meħtieġa li jiggwidawh u jipprovdulu moniteraġġ.

“L-iskema l-ġdida hija waħda sempliċi li għandha tħajjar aktar ħaddiema jissieħbu f’koperattivi u jwettqu dak li dejjem emminna, jiġifieri li l-ħaddiema  jkunu magħquda u jiddeċiedu huma kif l-aħjar isir ix-xogħol, u mhux id-deċiżjonijiet jittieħdu ’l bogħod minn fejn isir ix-xogħol,” temm jgħid is-Sur Cutajar. 

 
​​