Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR181152

PR181152

23/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: “Se naħdmu biex nirduppjaw l-użu tal-‘mobile’ fl-aċċessibbiltà għas-servizzi governattivi” - Mario Cutajar

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li għalkemm Malta tinsab fuq quddiem nett fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ egovernment, u għalkemm l-mServices li nieda s-Servizz Pubbliku f’din l-aħħar sena nfirxu sew fost il-pubbliku, is-Servizz Pubbliku jrid jaħdem biex fix-xhur li ġejjin l-użu tal-mobile fl-aċċessibbiltà għal servizzi governattivi jirdoppja.

“M’hemmx aktar lok għal studji. Issa rridu nfasslu miri realistiċi u naħdmu biex nilħquhom, għax il-poplu hekk jixraqlu”, qal is-Sur Cutajar f’diskors li għamel f’seminar bit-tema ‘Aċċessibbiltà għal Servizzi Governattivi’, li ġie organizzat bħala waħda mill-attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018.

Is-Sur Cutajar qal li t-teknoloġija hi ċ-ċavetta għall-ġejjieni u ħames snin ilu s-Servizz Pubbliku għaraf li ma jistgħux isiru avvanzi biex is-servizzi pubbliċi jingħataw kif jixraq jekk ma jsirx investiment fit-teknoloġija. It-teknoloġija biddlet il-mod kif wieħed iħares lejn is-Servizz Pubbliku u l-mod kif jitwassal dan is-servizz. Bl-investiment fit-teknoloġija li sar fl-aħħar ħames snin, is-Servizz Pubbliku ma baqax l-issue li kien fl-2013 fuq l-aġenda nazzjonali, qal is-Sur Cutajar.

Żied jgħid li l-investiment li sar ma kienx biss wieħed finanzjarju iżda wkoll fir-riżorsi umani. Qabel kellna struttura sfuża fejn tidħol it-teknoloġija, iżda llum l-istruttura hi ċara u abbinata direttament mas-Servizz Pubbliku, bil-MITA tkun is-sieħeb strateġiku tas-Servizz Pubbliku fih innifsu.

Is-Sur Cutajar qal li l-viżjoni preżenti tas-Servizz Pubbliku hi ta’ servizzi pubbliċi aċċessibbli 24 siegħa kuljum minn kullimkien, kif tirrifletti t-tema tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 – ‘Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien’. Bħala parti mit-twettiq ta’ din il-viżjoni, is-Servizz Pubbliku nieda mobile apps u siti elettroniċi għas-servizzi governattivi aċċessibbli mill-mobile kif ukoll waqqaf one-stop-shop online fejn ġabar is-servizzi kollha f’sit elettroniku wieħed, filwaqt li qed jaqleb il-formoli relatati għal eforms.

Is-Segretarju Permanenti ewlieni semma li s-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 65,000 download tal-mobile apps għas-servizzi governattivi filwaqt li l-apps li tnedew ix-xahar li għadda s’issa tniżżlu mat-3000 darba. In-numru ta’ hits s’issa fis-siti elettroniċi governattivi kompatibbli mal-mobile ilaħħaq għal aktar minn 180,000, filwaqt li l-one-stop-shop online ikollu medja ta’ 80,000 hit kull xahar. Dan ifisser li l-messaġġ qed jasal ċar fost il-pubbliku u qed iwassal għal aktar użu u għarfien tas-servizzi governattivi fuq il-mobile, ikkonkluda s-Sur Cutajar.
Is-seminar kien indirizzat ukoll mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri li qal li filwaqt li fl-aħħar stħarriġ tal-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018, Malta kklassifikat fit-12-il post u qabżet pajjiżi bħal Franza u l-Ġermanja, madanakollu għad fadal xi jsir. 

“Wasalna s’hawn għax nemmnu li ċ-ċittadin għandu jesperjenza l-impatt tat-teknoloġija minnha nnifisha u li jqarreb iżjed lejn il-gvern”, qal is-Segretarju Parlamentari. Spjega li l-gvern qed iħares lejn l-użu ta’ teknoloġija ġdida u l-preparamenti għaliha diġà bdew. Fil-fatt, diġà saru disa’ sessjonijiet ta’ tagħlim bil-għan li s-settur pubbliku jiffamiljarizza mal-qasam tal-blockchain biex nilqgħu għall-iżviluppi. 

“Dan qed jippermettilna nintroduċu din it-teknoloġija ġdida fi ħdan il-MITA u s-settur pubbliku. B’dan il-mod, il-MITA tkun f’pożizzjoni aħjar li tniedi proġetti pilota f’oqsma differenti”, qal is-Segretarju Parlamentari, filwaqt li elenka l-pjanijiet tal-gvern biex flimkien mal-MITA jitwaqqaf blockchain lab - il-post li se jservi biex il-ħaddiema fis-settur pubbliku jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ din it-teknoloġija. 

Fis-seminar saret ukoll preżentazzjoni miċ-Chairman Eżekuttiv tal-MITA Tony Sultana li ta ħarsa lejn ir-riżultati ta’ riċerka li saret dan l-aħħar. Minn din ir-riċerka jirriżulta fost oħrajn li terz ta’ dawk kollha li għandhom smartphone f’pajjiżna, s’issa użaw mill-inqas servizz governattiv wieħed li hu aċċessibbli mill-mobile. 

 
​​​​