Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr181167

PR181167

24/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI - Aktar minn 600 miżura ta’ simplifikazzjoni mwettqa mis-Servizz Pubbliku f’erba’ snin

F’dawn l-aħħar erba’ snin, is-Servizz Pubbliku implimenta aktar minn 600 miżura ta’ simplifikazzjoni. Matul l-2017 biss, is-Servizz Pubbliku wettaq total ta’ 161 miżura ta’ simplifikazzjoni, jew 79%. Din ir-rata hija ogħla sostanzjalment mill-medja stabbilita f’dawn l-aħħar erba’ snin, jiġifieri dik ta’ 70%.

 

Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet pubblikazzjoni li telenka l-miżuri ta’ simplifikazzjoni implimentati fl-2017 mis-Servizz Pubbliku. Din hija r-raba’ sena konsekuttiva li s-Servizz Pubbliku qed joħroġ din il-pubblikazzjoni. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet waħda mill-attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018, li għandha t-tema “Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien”.

 

Is-Sur Cutajar qal li ċ-ċifra ta’ 79% ma tfissirx li l-kumplament tal-miżuri li kienu jinsabu fi proċess ta’ implimentazzjoni sal-aħħar tal-2017 se jitwarrbu. Uħud minnhom diġà ġew implimentati fl-ewwel xhur tal-2018. Oħrajn jibqgħu jiġu segwiti sakemm jitwettqu.

 

Huwa qal li t-twettiq tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni mhux biss eżerċizzju ta’ tnaqqis ta’ burokrazija iżda wkoll eżerċizzju tal-mod kif is-servizzi jitwasslu għand in-nies. It-teknoloġija għandha rwol importanti ħafna fis-simplifikazzjoni u kien għalhekk li bl-użu tat-teknoloġija, is-Servizz Pubbliku fetaħ il-bibien biex is-servizzi governattivi jkunu mal-klijent kullimkien u f’kull ħin permezz tal-mobile. Il-mobile apps tas-servizzi governattivi, li tnedew fl-2017 u komplew jiżdiedu din is-sena, kienu suċċess iżda s-Servizz Pubbliku se jaħdem biex l-użu tagħhom fost il-pubbliku fix-xhur li ġejjin mill-inqas jirdoppja.

 

Is-Sur Cutajar semma diversi miżuri oħra ta’ simplifikazzjoni li twettqu, fosthom il-qalba tal-formoli tas-servizzi governattivi minn format pdf għal eforms; it-tnaqqis tal-formoli biex jinfetaħ negozju ġdid minn 22 formola għal formola waħda biss; is-simplifikazzjoni fl-użu tal-karta tal-identità; l-aċċess għar-Reġistru Nazzjonali tat-Trademarks; it-tnaqqis fin-numru ta’ spezzjonijiet li jsiru fin-negozji; kif ukoll il-ħolqien ta’ one-stop-shops bis-servizzi governattivi, kemm online kif ukoll fil-komunità.

 

Is-Sur Cutajar qal li l-pubblikazzjoni tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni hija mod ieħor kif is-Servizz Pubbliku juri kontabilità, fejn mhux biss jelenka x’miżuri wettaq iżda wkoll il-mod kif wettaqhom. Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni mhumiex xi ħaġa ta’ darba iżda għada pitgħada jridu jsiru l-ordni tal-ġurnata ta’ kif jaħdem is-Servizz Pubbliku, ħalli nassiguraw li nħallu warajna Servizz Pubbliku ħafna aħjar milli sibnieh, temm jgħid is-Sur Cutajar.

 

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkollI mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi, Julia Farrugia Portelli, li qalet li frott ir-rieda politika u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema, illum nistgħu nirrikonoxxu l-progresss li sar fl-operat tas-Servizz Pubbliku. Hija fakkret kif kien dan il-Gvern li daħħal il-Key Performance Indicators (KPIs) u filwaqt li matul il-leġiżlatura li għaddiet il-burokrazija fl-operat tal-Gvern tnaqqset b’25%, issa l-għan tul din il-leġiżlatura huwa li tonqos bi 30%. Din id-direzzjoni politika hi msejsa fuq il-ħtieġa li s-settur pubbliku jaħdem bl-istess grinta tas-settur privat.

 

Is-Segretarju Parlamentari żiedet tgħid li l-Gvern qed jaħdem biex ikun hemm tibdil kemm fil-lat operattiv bħall-ipproċessar tal-pagi, il-proċedura tax-xiri pubbliku u s-simplifikar tal-formoli bil-ħsieb li niġu paperless, kif ukoll mil-lat tal-provvista tas-servizz innifsu bit-twettiq tal-KPIs f’100 jum. Fost dawn hemm il-ftuħ ta’ uffiċċju ġdid ta’ Identity Malta f’Mater Dei, it-tiġdid awtomatiku tal-karta r-roża u t-twaqqif ta’ Business 1st.

 

Is-Segretarju Parlamentari saħqet li miżura importanti ħafna u li qed tħalli impatt kbir fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kienet dik fejn in-numru ta’ ġranet li tieħu biex tiftaħ negozju tnaqqas minn 28 għal massimu ta’ tlett ijiem.

 

Il-politiċi flimkien mal-ħaddiema tas-settur pubbliku qegħdin hemm biex iservu lill-poplu, qalet Julia Farrugia Portelli filwaqt li saħqet li, “Aħna kommessi li nkomplu noffru servizz aktar effiċjenti u ta’ kwalità ogħla; servizz li jindirizza r-realtà ekonomiku u aktar minn hekk, jagħti widen għall-bżonnijiet tan-nies.”

 

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet ukoll il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni, Rosianne Cutajar. Hija semmiet il-ħidma tal-Kulleġġ tar-Regolaturi, li għandu l-għan li jissimplifika l-piżijiet regolatorji fuq in-negozji żgħar u medji billi tiżdied il-koperazzjoni bejn l-entitajiet regolatorji. Hija qalet li għalkemm il-kulleġġ għadu fil-bidu tiegħu, qed jittieħed b’serjetà kbira u l-koperazzjoni tar-regolaturi nfushom qed twassal għal riżultati pożittivi li għalkemm ħafna drabi ma jagħmlux ħoss, jagħmlu differenza pożittiva.​ 

​​