Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR181175

PR181175

25/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: “Il-ħtieġa tal-ESP għandu jħarisha, jagħrafha u jħaddimha kulħadd” - Mario Cutajar

“Il-ħtieġa tal-ESP għandu jħarisha kulħadd, jagħrafha kulħadd u jħaddimha kulħadd. Ma niddejqux ninvestu fl-ESP għax hi ċ-ċertifikat tal-model employer li hu s-Servizz Pubbliku”, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar meta indirizza l-konferenza ‘Għajnuna fil-Waqt’. Il-konferenza kienet tittratta s-servizzi offruti mill-Employee Support Programme (ESP) fi ħdan il-People & Standards Division u kienet waħda mill-attivitajiet organizzati matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Cutajar tkellem kif is-Servizz Pubbliku hu msejjes fuq in-nies u kien għalhekk li f’dawn l-aħħar ħames snin ittieħdu miżuri bħat-twaqqif tal-People & Standards Division, li ħadet post il-PAHRO. Din ma kinitx sempliċiment bidla fl-isem, qal il-kelliem, iżda bidla fil-kunċett biex ma jkunx hemm aktar distakk bejn in-nies u dawk li jmexxuhom, jiġifieri bejn fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u fejn isir ix-xogħol.

“M’għadniex nitkellmu fuq riżorsi umani, imma fuq nies. Dawn huma n-nies li qed jagħtu s-servizz u għalhekk is-servizz jistrieħ fuq in-nies. Għalhekk il-kunċett wara t-twaqqif tal-People & Standards Division kien li waħħadna n-nies mas-servizz li jagħtu u li bdejna nħarsu lejn in-nies fit-totalità tagħhom. Dan hu wkoll l-iskop tal-mod ġdid kif qed titkejjel il-prestazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi, għax fuq dan il-kejl jitfassal it-taħriġ li jkun meħtieġ għall-ħaddiema”, qal lis-Sur Cutajar filwaqt li saħaq li jemmen f’investiment sħiħ fin-nies f’kull livell.

Tkellem ukoll kif is-Servizz Pubbliku, bħala model employer, jipprova joħloq l-aħjar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol anke permezz ta’ ħinijiet flessibbli li jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-klijenti esterni. Bħala eżempju semma l-proġett pilota li tnieda ftit ġimgħat ilu fejn ġew estiżi l-ħinijiet ta’ uffiċini tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Is-Sur Cutajar faħħar ix-xogħol siewi li jwettaq l-ESP u qal li din it-taqsima għandha l-appoġġ sħiħ tal-amministrazzjoni ċentrali għax tgħin lill-uffiċjali pubbliċi fil-waqt li l-aktar ikollhom bżonn l-għajnuna. Qal li l-ESP kellha mal-500 klijent fl-aħħar erba’ snin iżda n-numru ta’ dawk li ġew referuti għas-servizz mill-managers tagħhom hu baxx. Dan meta l-managers suppost ikunu jafu lin-nies tagħhom u jafu x’għandhom bżonn.

“Li twassal is-servizz ma jfissirx li toħloq il-mobile apps għas-servizzi governattivi iżda li tibbaża fuq in-nies. M’għadx fadal lok għal min ikaxkar saqajh biex jagħti servizz, għal min iħalli l-klijenti jistennew id-deċiżjonijiet tiegħu. In-nies huma s-sinsla u l-qafas tas-servizz li nagħtu u għalhekk irridu nirrispettawhon”, ikkonkluda s-Segretarju Permanenti Ewlieni.