Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR181187

PR181187

26/05/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tkompli fuq nota mużikali b’kunċert mill-baned tal-Forzi Armati u l-Pulizija

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 kompliet fuq nota mużikali hekk kif dalgħodu, għall-ewwel darba, sar kunċert vokali u strumentali mill-Banda tal-Pulizija u l-Banda tal-Forzi Armati flimkien.

Iż-żewġ baned telqu mill-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta, u għamlu parata tul Triq ir-Repubblika sakemm waslu f’Misraħ il-Ħelsien, fejn sar il-kunċert. Mijiet ta’ nies li kienu deħlin jew ħerġin mill-Belt dak il-ħin waqfu biex jisimgħu dak li kellhom x’joffru ż-żewġ baned taħt it-tmexxija tas-Supretendent Anzjan Anthony Cassar u Warrant Officer Jonathan Borg.

Iż-żewġ baned esegwew siltiet li niżlu għasel mal-pubbliku billi huma magħrufin sew, fosthom marċijiet, siltiet minn soundtracks ta’ films u minn musicals famużi, kif ukoll melodiji ta’ kompożituri Maltin. F’xi siltiet kien hemm l-akkumpanjament vokali tat-tenur Alan Sciberras, it-tenur Lance Bombardier Georg Zammit, il-kantanti Neville Refalo u Ritienne, kif ukoll is-sopran Ruth Sammut Casingena.

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, bit-tema “Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien”, bdiet fit-18 ta’ Mejju u tasal fi tmiemha għada l-Ħadd b’ġurnata ta’ attivitajiet għall-familja kollha fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti f’Ħ’Attard.

 
​​