Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr182522

PR182522

23/11/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Aktar minn €120 miljun għall-mediċini għas-sena 2019

​Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li għas-sena li ġejja s-somma allokata għall-mediċini tammonta għal aktar minn €120 miljun - ċifra li tikkuntrasta bil-kbir mas-somma ta’ €64 miljun li kienet allokata għas-sena 2011.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar dan waqt id-diskors tal-għeluq tal-konferenza annwali organizzata mis-Central Procurement & Supplies Unit (CPSU) fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, li hi responsabbli għax-xiri tal-mediċini li jintużaw f’kull forma ta’ servizz mediku provdut b’xejn lill-poplu mill-Gvern. Għal din il-konferenza jkunu mistednin jattendu fornituri u importaturi tal-mediċini.

“Jista’ jkun li nitqiesu xi ftit ibsin waqt in-negozjati għax-xiri tal-mediċini, imma jista’ jibqa’ assigurat kulħadd li dak li jirnexxilna niffrankaw b’riżultat ta’ negozjati bħal dawn jerġa’ jintefaq f’aktar mediċini ġodda biex ikompli jikber il-formolarju tal-mediċini li jingħataw b’xejn lill-pazjenti Maltin u Għawdxin”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Chris Fearne żied li l-Gvern jinsab determinat li jkompli jimmodernizza u jkabbar il-formolarju abbażi tal-iżviluppi kontinwi fil-qasam tal-mediċina. Dan filwaqt li kollox ikun qed isir skont il-protokoll li jassigura li l-mediċini ġodda li jiddaħħlu jkunu mediċini effikaċi.

“Irridu nkattru l-effiċjenza filwaqt li nkomplu nnaqqsu l-ħela. Dawn huma żewġ miżuri li jwasslu għall-iffrankar ta’ flus u li allura jkunu jistgħu jintużaw għall-kisba ta’ aktar mediċini moderni. L-effiċjenza b’riżultat ta’ sistemi ġodda fissret li m’għadekx tisma’ li jkun hawn mediċini out of stock. Kulħadd jaf li din tal-mediċini out of stock ma kinitx x iħaġa ta’ ħafna snin ilu”, sostna d-Deputat Prim Ministru.

Irrefera wkoll għas-sistema robotika tal-farmaċija, kunċett innovattiv għall-aħħar, li l-Gvern se jinvesti fih miljuni ta’ ewro bil-għan li jkun hemm effiċjenza akbar fil-ħażna u fit-tqassim tal-mediċini kif ukoll aktar sigurtà, inqas żbalji u aktar effiċjenza f’inqas ħin. Permezz ta’ din is-sistema se jitqabbdu flimkien il-kompjuter, ir-robot u s-sistema ta’ tubi pnewmatiċi li diġà qegħdin installati fis-swali ta’ Mater Dei. B’hekk jinħoloq network li permezz tiegħu tkun tista’ tiġi ordnata l-mediċina li jkollu bżonn il-pazjent u din titwassal fis-sala konċernata f’temp ta’ ftit minuti.

Fi tmiem id-diskors tiegħu d-Deputat Prim Ministru qal li hu konxju li dan is-settur ukoll għandu d-diffikultajiet u l-isfidi tiegħu, “imma ninsab konvint li jekk inkomplu naħdmu flimkien naslu biex negħlbu kemm id-diffikultajiet kif ukoll l-isfidi b’sodisfazzjon u b’riżq il-pazjenti tagħna”.
 

Ritratt (ODPM-MFH)