Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR182578

PR182578

30/11/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI L-ewwel konferenza li laqqgħet lill-assistenti diretturi tas-servizz pubbliku

Bit-tema ‘Ippjanar u twettiq’, il-Ġimgħa ttellgħet l-ewwel konferenza li laqqgħet lill-assistenti diretturi kollha tas-servizz pubbliku. 

Waqt l-indirizz fil-ftuħ tal-konferenza, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li l-irwol tal-assistenti diretturi hu kruċjali għax fuqhom tistrieħ it-tmexxija tas-servizz pubbliku. Qal li għall-ewwel darba l-assistenti diretturi qed jidħlu fl-istampa kollha ta’ dak li qed isir fis-servizz pubbliku. 

Qal li l-pjanijiet tal-amministrazzjoni pubblika huma ċari u issa l-focus għandu jkun fuq il-klijenti li jużaw is-servizzi, klijenti li jinkludu wkoll il-ħaddiema taċ-ċivil li anke huma jiġu bżonn id-dipartiment tar-riżorsi umani fost l-oħrajn. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-assistenti diretturi huma parti mis-succession plan tal-amministrazzjoni u għaldaqstant saret ħidma biex jitranġaw il-kundizzjonijiet tal-grad biex din il-pożizzjoni tingħata aktar status. Hawnhekk semma li għandu jkun aġġornat it-taħriġ tal-ħaddiema taċ-ċivil u dan issa hu possibbli wkoll permezz tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.

Tul l-indirizz, is-Sur Mario Cutajar spjega lill-assistenti diretturi x’inhi l-viżjoni ’l quddiem għas-servizz pubbliku. Hu fakkar kemm hu importanti li l-amministrazzjoni pubblika tkun responsabbli u tati rendikont serju tal-ħidma li tkun qed ssir u l-ħidma li għandha ssir biex tissaħħaħ. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni rrefera wkoll għar-rakkomandazzjonijiet li jingħataw mill-NAO u mill-Ombudsman li minnhom twettqu 80% u 85% rispettivament. 

Minn servizz pubbliku li kien issue elettorali fl-2013 issa għandna servizz li jirbaħ awards internazzjonali, qal is-Sur Cutajar. Fil-fatt il-Kummissjoni Ewropea poġġiet lil Malta fl-ewwel post fejn jidħol egovernment u Malta kisbet it-tielet post fil-European Quality of Life Survey. 

Hawnhekk issemma l-Business First fejn anke dan rebaħ il-European Enterprise Award. Il-Business First hi l-għodda li għenet bil-bosta lil dawk il-persuni li jridu jiftħu negozju iżda li riedu jgħaddu minn proċess burokratiku twil. Issa permezz ta’ dan il-hub, persuni interessanti li jiftħu negozju kulma jridu jimlew hi formola waħda kontra t-22 li riedu jimtlew u proċess li jdum biss tlett ijiem.

Is-servizz.gov, li hu servizz li jintuża minn bosta nies, hu wkoll storja ta’ suċċess. Fil-fatt dan is-servizz rebaħ is-Service Design Award. Kull min juża dan is-servizz għandu aċċess għal 600 formola online u għal madwar 1,000 servizz. Is-servizzi jingħataw ukoll mill-one-stop-shops fil-lokalitajiet, mis-servizz telefoniku tal-153 u issa wkoll mill-mServices li jintużaw minn aktar minn 90 elf klijent. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kkonkluda billi fisser kif l-aministrazzjoni pubblika hi determinata li żżomm is-suċċess li qed tikseb u jkollna servizz pubbliku aċċessibbli għal kulħadd minn kullimkien 24 siegħa kuljum.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Sa Gertrude Spiteri, mill-Professur Vince Cassar u minn Dr Nathalie Kenely.