Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190832

PR190832

18/04/2019

​ STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Id-Deputat Prim Ministru f’laqgħa ta’ kortesija mal-Kunsill il-ġdid tal-MUMN

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kellu laqgħa ta’ kortesija mal-kunsill il-ġdid tal-Union tal-Qwiebel u l-Infermiera (MUMN) mmexxi mill-President il-ġdid tiegħu Paul Pace.


Id-Deputat Prim Ministru qal li llum il-pajjiż igawdi minn servizz tas-saħħa mill-aqwa, tant li ninsabu mal-ewwel għaxar pajjiżi tad-dinja, servizz li għalih ikkontribwew u għadhom jikkontribwixxu l-membri tal-MUMN, fosthom l-infermieri, li llum jammontaw għal 3,571, ċifra li tfisser żjieda ta’ 500 infermier mis-sena  2012 ‘l hawn.

Huwa żied jgħid li s-servizzi tas-saħħa qegħdin dejjem jiżdiedu u dan minnu nnifsu jitlob aktar ħaddiema, fosthom infermieri. L-għan tal-Gvern huwa li tul din is-sena jkunu ġew ingaġġati 250 infermier ieħor u għal dan il-għan irridu nkomplu naħdmu biex inħajru aktar żgħażagħ lejn din il-professjoni nobbli.

Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li l-għan huwa li jkompli jkun hemm relazzjonijiet mill-aqwa mal-MUMN u l-erba’ snin li għaddew juru li hekk ġara għalkemm ma jfissirx li ma jkunx hemm lok fejn isir titjib.

Żied jgħid li waħda mill-isfidi li hemm tikkonċerna l-Isptar Monte Carmeli, sfida li fuqha għaddej ħafna xogħol. Id-Deputat Prim Ministru għarraf lill-Kunsill tal-MUMN li llum stess kien għadu kemm ġie ppreżentat bl-aħħar abbozz dwar l-istrateġija mentali li tfasslet b’riżultat tal-konsultazzjoni pubblika li għadha kemm għalqet. Fost l-affarijiet proposti hemm il-ħtieġa ta’ infermieri speċjalizzati kif ukoll dwar l-istruttura tal-post innifsu.

Id-Deputat Prim Ministru informa lill-Kunsill tal-MUMN li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ħatret perit full-time f’Monte Carmeli biex ikun segwit kontinwament ix-xogħol strutturali li għaddej fuq il-post.

Min-naħa tiegħu l-President tal-MUMN Paul Pace wiegħed li bħala union se jkunu qegħdin jaħdmu flimkien mal-Ministeru għall-ġid tal-pazjent Malti, imma jibqa’ l-fatt li hemm diversi problemi li jikkonċernaw lill-membri tal-union. Żied jgħid li l-problemi fl-Isptar Monte Carmeli ilhom hemm is-snin, l-aktar kawża tal-fatt li l-binja nnifisha tħalliet traskurata għal ħafna snin b’tali mod li kompliet tikber l-istigma fejn jidħol il-mard mentali.

Il-President tal-MUMN awgura li jkun hemm komunikazzjoni kontinwa bejn iż-żewġ naħat biex b’hekk kull meta tinqala’ xi problema ma tilħaqx tiggrava qabel tkun diskussa.