Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190899

PR190899

27/04/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI

Is-Sinjura Michelle Muscat, akkumpanjata mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-organizzaturi Ten08 niedew il-kunċert Rock the Fort. L-artist Kanadiż Marc Martel, li l-vuċi tiegħu ntużat fil-film “Bohemian Rhapsody” għall-kant tad-diski ta’ Freddie Mercury, se jkun l-kantant prinċipali f’dan il-kunċert li ser jittella’ nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju. Għal darb’ oħra dan il-kunċert se jsir fil-Marina tal-Birgu għad-dell tas-swar imponenti tal-Forti Sant’Anġlu, u ser isir b’risq il-Fondazzjoni Marigold.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “permezz ta’ dan l-avveniment qegħdin nagħtu importanza lill-ġeneru tar-rock fil-kultura tagħna u fil-fatt aħna ħsibna biex mmexxu ’l quddiem dan il-ġeneru permezz tar-RocknMalta Fund. Dan il-fond qiegħed jgħin biex tikber ix-xena lokali tar-rock, li huwa ġeneru deċiżament maħbub fost il-Maltin u l-Għawdxin, u jservi ta’ pjattaforma għax-xena lokali.”
 
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu laqgħu b’sodisfazzjon il-proposta ta’ dan l-avveniment li jkompli jsaħħaħ il-prodott turistiku permezz ta’ żieda ta’ avveniment ieħor mal-kalendarju tal-avvenimenti turistiċi. Huwa enfasizza li l-akbar sodisfazzjon huwa l-fatt li l-għajnuna qiegħda tmur sabiex jiġi ffinanzjat kunċert li permezz tiegħu ser jinġarbru fondi għal għanijiet soċjali, propju għall-Fondazzjoni Marigold.

Min-naħa tagħha s-Sinjura Muscat rringrazzjat lil Ten08 talli għażlu lil Fondazzjoni Marigold u wegħdet li kif huma jaħdmu tant fil-komunità tal-Birgu b’risq iż-żgħażaghħ tal-lokal, hekk ukoll Marigold se tkun qed tkompli taħdem fi ħdan il komunitajiet Maltin sabiex il-persuni li tant għandhom bżonn l-għajnuna f’diversi oqsma jsibu l-appoġġ u s-sostenn meħtieġ.