Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190901

PR190901

27/04/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI

​F’Ġunju li ġej se jingħaqdu 16-il uffiċjal tal-komunità ġdid mal-LESA

Ftit jiem ilu intemm it-taħriġ għar-rekluti l-ġodda fil-LESA. It-taħriġ dam għaddej għal 9 ġimgħat u b’kollox kellu 16-il trainee, 10 irġel u 6 nisa. It-taħriġ kien imqassam bejn dak teoretiku, li kien jinvolvi fost l-oħrajn id-dixxipplina, l-apparenza perosnali, tagħlim dwar il-liġijiet relatati mad-doveri tal-uffiċjali u superviżjoni fil-komunità u dak prattiku, li kien jinvolvi fost l-oħrajn it-taħriġ fiżiku, self-defence bażiku, immaniġġjar tat-traffiku u taħriġ fuq użu ta’ apparat modern. Ir-rekluti kollha temmewh b’suċċess. F’Mejju li ġej se jkun hemm 11-il kandidat ieħor li se jibdew dan it-taħriġ. Barra minn hekk, fiż-żmien li ġej se tinħareġ ukoll sejħa oħra.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis ippreżentaw iċ-ċertifikati lil dawn is-16-il reklut.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li t-team work huwa importanti immens biex jinżamm pajjiż aktar sigur. Malli ġie avviċinat biex it-taħriġ tal-LESA jsir fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati, huwa aċċetta mall-ewwel.

“Nemmen li kemm il-korpi dixxiplinati u entitajiet oħrajn li jaħdmu fil-viċin magħhom bħall-uffiċjali tad-Dwana, LESA u Transport Malta, irridu jaħdmu flimkien bħala team wieħed biex ikollna pajjiż aktar sigur. Huwa ta’ pjaċir għalijja li mir-rapport tal-kriminalità ħareġ li r-rata tal-kriminalità naqset b’7% mis-sena ta’ qabel. Nappella biex l-entitajiet kollha jkomplu jaħdmu flimkien sabiex nagħtu servizz aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi u jkollna iktar sigurtà fil-pajjiż”, saħaq il-Ministru Michael Farrugia.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici feraħ lill-uffiċjali tal-komunità kollha tal-isforzi u s-suċċessi tagħhom. “Illum qegħdin naraw iċ-ċertifikazzjoni tal-ewwel kors ta’ taħriġ, aspett importanti għall-benefiċċju ta’ dawn l-uffiċjali ġodda. L-uffiċjali tal-komunità fi ħdan il-LESA għandhom parti essenzjali fis-soċjetà tagħna, mhux biss fejn jidħol l-infurzar, imma wkoll biex jipprovdu servizz aħjar lill-pubbliku inġenerali. B’dan il-kors, dawn l-uffiċjali ngħataw l-għodod essenzjali biex jaħdmu bl-aħjar mod possibbli. Din hija parti oħra mill-istrateġija tal-gvern biex ikompli jtejjeb il-livell t’għajxien taċ-ċittadini tagħna, b’mod li jkun eqreb tal-komunitajiet,” stqarr il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li l-għan ewlieni ta’ dawn il-bidliet huwa li nwasslu għal aktar serjetà fl-infurzar iżda wkoll għal aktar sens ta’ sensibilità. Fil-fatt issa l-infurzar lokali m’għadux biss limitat għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda qed jimraħ ukoll f’oqsma importanti oħra bħal dawk ambjentali u dawk edukattivi. Is-Segretarju Parlamentari Parnis għalaq billi awgura lil dawn ir-rekluti l-ġodda li f’Ġunju li ġej se jingħaqdu kollha mal-bqija tal-uffiċjali preżenti.

L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Aġenzija s-Sur Raymond Zammit qal li dan it-taħriġ, li kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, sar minn persuni ntiżi sew fil-qasam tal-infurzar, fosthom esperti tal-qorti.