Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190914

PR190914

29/04/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI, MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INVESTIMENT U N-NEGOZJI Ż-ŻGĦAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR, INDAFA PUBBLIKA U S-SOSTENN TAL-BELT KAPITALI

Tindif ta' 185 tunnellata ta' skart illegali miġbur miż-Żona Industrijali ta' Ħal Far

 

Iż-żona ta' Ħal Far hija waħda mill-iktar żoni li jintefa' fiha ammont konsiderevoli ta' skart illegali. Matul is-sena, id-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali, tintervjeni diversi drabi biex jitneħħa dan l-inkonvenjent. Li din iż-żona titħalla fi stat ta' abbandun hija sitwazzjoni perikoluża ħafna. F'dan l-aħħar l-eżercizzju ta' tindif kien hemm bżonn l-użu ta' gafef biex jinġabar skart goff u diversi trakkijiet biex l-inkonvenjent jitneħħa f'qasir zmien. Ħames ħaddiema kienu esklussivament assenjati f'din iż-żona għal sebat ijiem. F'dan il-proċess ta' tindif, l-iskart intagħżel u kien separat fuq il-post.

 

Il-Ministru għall-Ekonomija,l- Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona spjega kif iż-żona industrijali ta' Ħal Far tattira ammont sostanzjali ta' investiment barrani dirett filwaqt li tospita numru ta' kumpaniji li jħaddmu eluf ta' ħaddiema. L-iskart illegali jista' jikkawża periklu kbir minħabba li f'din iż-żona hemm bosta kumpaniji li jaħdmu b'materjal perilokuż. Għalhekk huwa kruċjali li din iż-żona, li għandha valur ekonomiku qawwi, tinżamm nadifa u fl-aqwa kundizzjonijiet possibli.

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għamel referenza għall-isforzi kbar li tagħmel id-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni fejn jidħol ir-rimi ta' skart b'mod illegali. "Matul dawn l-aħħar xahrejn, id-Diviżjoni intervjeniet biex tneħħa l-iskart minn din iż-żona industrjali għal diversi drabi. Fil-fatt, diġà neħħiet 185 tunnellata ta' skart, li l-parti l-kbira minnu huwa skart tal-kostruzzjoni. Din il-ħidma kontinwa qiegħda ssir biex niżguraw aktar sigurezza u ndafa madwar il-gżejjer tagħna, għall-ġid tal-komunità", stqarr il-Ministru Bonnici.

 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif f'dawn ix-xahrejn li għaddew, il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni intervjenew diversi drabi biex jitneħħa ammont kbir ta' skart minn din iż-żona industrijali. Ftit tal-ġranet wara li tneħħew iktar minn 170 tunnellata ta' skart, din iż-żona reġgħet imtliet bl-iskart illegali. Intremew madwar 15-il tunnellata ta' skart oħra, li reġgħu inġabru mill-ewwel. Is-Segretarju Parlamentari Debattista enfasizza l-importanza li tiġi osservata l-liġi biex Malta tinżamm nadifa. Huwa żied jgħid li l-Gvern huwa kommess li jibqa' jintervjeni biex pajjiżna jinżamm kemm jista' jkun nadif. B'konsegwenza ta' dan se jiżdiedu l-ispezzjonijiet u l-infurzar, biex dawn l-abbużi jitnaqqsu. Għal dan il-għan, kull sena qed jiġi allokat u provdut budget biex ikun hemm investiment addizzjonali f'makkinarju li permezz tiegħu dawn l-abbużi jitneħħew kemm jista' jkun malajr.

 

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara tkellem dwar diversi sessjonijiet ta' infurzar li saru fuq il-post, fejn inqabdu xi persuni u fil-ġranet li ġejjin se jitressqu quddiem il-Qorti. Ramon Deguara qal li bħala Diviżjoni se jżidu iktar l-isforzi biex sitwazzjonijiet simili jiġu kkontrollati. F'koperazzjoni sħiħa, il-Malta Industrial Parks flimkien mad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni qed jaħdmu f'sinerġija sabiex iż-żoni industrijali f'Malta jinżammu nodfa.

 

Kull min jixtieq jirrapporta kull tip ta' skart illegali jista' jċempel fuq il-freephone 1718 jew juża l-mobile app 'Clean and Upkeep'.