Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192624

PR192624

10/12/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI U KOMUNITAJIET

Somma ta’ €94,579 lill-gvern lokali – jibbenefikaw total ta’ 40 kunsill lokali u reġjonali minn skema ta’ żvilupp ta’ libreriji lokali/reġjonali f’ċentri tal-komunità

It-Tlieta filgħodu, 39 kunsill lokali u l-kunsill reġjonali ta’ Għawdex ingħataw is-somma ta’ €94,579, bis-saħħa tal-iskema “Skema Finanzjarja – Żvilupp ta’ Libreriji Lokali/Reġjonali f’Ċentri tal-Komunità”. L-għan ta’ din l-iskema huwa li l-libreriji lokali u reġjonali jiġu żviluppati f’ċentri tal-komunità inklussivi li fihom iċ-ċittadini jkollhom l-opportunità li jattendu u jipparteċipaw f’attivitajiet innovattivi u jkomplu jsaħħu l-għarfien tagħhom f’diversi oqsma f’ambjent soċjali. Dawk il-kunsilli lokali u reġjonali li għandhom librerija pubblika kienu eliġibbli li japplikaw għal fondi permezz ta’ din l-iskema. Din l-iskema tiffinanzja 85% tal-ispiża sa massimu ta’ €3,000 (inkluża l-VAT).

Barra minn hekk il-kunsilli lokali u reġjonali kollha li għandhom librerija pubblika ngħataw kotba informattivi dwar l-ambjent sabiex jitpoġġew f’dawn il-libreriji pubbliċi. Dawn il-kotba ġew sponsorjati mill-kumpanija privata Norwex.

“Dawn l-40 benefiċjarju magħmula mill-kunsilli lokali u reġjun qegħdin jingħataw l-opportunità li jgħammru l-libreriji lokali b’mod aħjar, u biex jiżguraw aktar aċċessibbiltà għall-membri tal-komunità tagħna filwaqt li jqajmu kuxjenza fuq il-bżonn tal-inklużjoni. Attenzjoni speċjali ngħatat lill-attivitajiet li jinvolvu l-kultura, tradizzjoni u artiġjanat, kif ukoll proposti innovattivi biex inkomplu ntejbu l-mod tal-ħajja tal-membri tas-soċjetà tagħna,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt iċ-ċerimonja tal-għoti. Il-Ministru Bonnici rringrazzja lil dawk preżenti tax-xogħol tagħhom u qal li, “dan il-gvern għandu għal qalbu l-komunitajiet tiegħu u huwa grazzi għas-suċċess ta’ inizjattivi u skemi ta’ din is-sura li aħna jkollna l-enerġija biex nagħtu lura lill-komunitajiet tagħna,” kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li din l-iskema se tgħin sabiex inkomplu nsaħħu l-aspett soċjali. L-għan ta’ din l-iskema huwa li nkomplu ngħinu sabiex il-libreriji pubbliċi jsiru social hubs għar-residenti tagħna. Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li l-kunsilli lokali u reġjonali huma l-livell ta’ awtorità l-aktar qrib iċ-ċittadin u huwa importanti li dawn jimirħu fl-oqsma li l-aktar li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin. Filwaqt li l-kunsilli lokali u reġjonali għandhom joffru l-aqwa servizzi relatati mar-responsabbiltajiet tagħhom, fl-istess ħin dawn għandhom jaħdmu b’mod partikolari fil-qasam soċjali u edukattiv sabiex b’hekk iseddqu dejjem aktar is-sens komunitarju.

Id-Direttur tad-Direttorat għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni ta’ Policy Marisa Pisani qalet li l-għan hu li l-libreriji reġjonali u lokali jevolvu minn kif nafuhom tradizzjonalment, bħala l-post ta’ qari, riċerka u self ta’ kotba, għal ċentri tal-komunità li fihom jittellgħu wkoll attivitajiet informali li jtjebu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.