Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192638

PR192638

12/12/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Ippubblikati emendi biex il-Qrati jkollhom iktar diskrezzjoni fejn tidħol il-piena f’każijiet ta’ kultivazzjoni tal-pjanta tal-kannabis għall-użu personali


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ppubblika sett ta’ emendi għal-liġijiet tad-droga li bis-saħħa tagħhom il-Qrati jkollhom iktar diskrezzjoni dwar is-sentenza li għandhom jagħtu f’każ ta’ sejbien ta’ ħtija f’każijiet ta’ kultivazzjoni tal-pjanta tal-kannabis għall-użu personali.

Huwa qal li l-gvern qed jippubblika dan l-abbozz għall-konsum pubbliku, anke in vista ta’ diversi pronunzjamenti tad-diversi Qrati. Huwa qal li fis-sessjoni li jmiss tal-Parlament se jkun qiegħed iressaq din il-proposta sabiex jibda minnufih il-proċess biex iseħħ dan it-tibdil. Dr Bonnici spjega li waqt li bil-liġi tal-lum f’każ ta’ sejba ta’ ħtija f’każijiet ta’ kultivazzjoni tal-pjanta tal-kannabis f’ammont ta’ iktar minn pjanta waħda l-Qorti hi marbuta li timponi piena karċerarja tassattiva anke jekk il-Qorti tkun konvinta li l-kultivazzjoni qed issir għall-użu personali, bl-emendi kif proposti minnu l-Qrati se jkollhom iktar diskrezzjoni fil-piena li jħossu li għandhom jagħtu. B’hekk effettivament il-Qrati jkunu jistgħu jagħtu piena li ma tkunx waħda ta’ ħabs bilfors – dejjem jekk il-Qorti tkun konvinta li l-kultivazzjoni qed issir għall-użu personali.

Din ir-riforma se tkun qed tapplika kemm fil-Qrati inferjuri u kif ukoll dawk superjuri.

“Wara li saru riformi kbar fis-settur ġudizzjarju f’dan il-kamp qegħdin nipproponu li jinbidlu ulterjorment il-liġijiet tad-droga b’mod li l-Qorti jkollha l-jedd illi tgħarbel sew iċ-ċirkostanzi preżenti quddiemha u minn hemm tiddeċiedi hi dwar jekk hux il-kultivazzjoni hijiex għall-użu esklussiv tal-pussessur jew le. B’hekk il-Qorti ma tibqax aktar kostretta li tapplika piena ta’ priġunerija tassattiva f’każijiet fejn individwu jinqabad b’aktar minn pjanta waħda, anke jekk iċ-ċirkostanzi juru li l-imsemmija pjanti jkunu għall-użu esklussiv tal-persuna,” qal il-Ministru Owen Bonnici.
 
Hu kompla jgħid li, “dan ikun ifisser li fejn il-kultivazzjoni ma tkunx għall-użu esklussiv tal-pussessur, il-piena tibqa’ dik ta’ priġunerija tassattiva. Fejn iżda l-kultivazzjoni tkun għall-użu personali, il-Qorti tkun tista’ tiddeċiedi b’dak li jkollha ppreżentat quddiemha.”
 
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li din il-proposta se tkompli tibni fuq dak li diġà sar, wara li daħal fis-seħħ l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) fil-15 t’April 2015, li wasslet għal mod li permezz tiegħu dawk li għandhom dipendenza tad-droga jistgħu jirriformaw, sabiex bl-għajnuna ta’ esperti, dawn il-persuni jingħataw is-sostenn u l-Qorti tkun tista’ tagħti piena li mhijiex waħda ta’ priġunerija.

Huwa fakkar li bis-saħħa ta’ riforma li daħlet fis-seħħ fil-15 t’April, 2015, kull min jinqabad b’pussess sempliċi ta’ droga f’ammonti żgħar jersaq quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja minflok ma jersaq quddiem il-Qorti kif kien isir qabel. S’issa quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja dehru tliet elef u erbgħa sittin każ bejn il-15 ta’ April 2015 u l-1 ta’ Diċembru, 2019. Minn dawn, 108 ntbagħtu quddiem il-Bord ta’ Riabilitazzjoni għaliex ikunu nstabu ħarja t-tieni darba f’temp qasir u allura jkun jinħass il-bżonn li jingħataw kura.

Ir-riforma tal-2015 kienet provdiet ukoll li min jitressaq il-Qorti b’reati serji tad-droga imma jiġi pprovat li kienu qed jieħdu d-droga għax kienu fil-vizzju u jiġi pprovat ukoll li għandhom impenn li joħorġu mill-vizzju, jingħataw ċans ieħor quddiem il-Board ta’ Riabilitazzjoni.

Mill-Qorti kien hemm 107 każ li ġie referut lill-Bord ta’ Riabilitazzjoni. Minn dawn kien hemm disgħa u tletin każ li ġie ddikjarat li ħelsu mill-vizzju, li jfisser li rebħu l-opportunità li quddiem il-Qorti jieħdu sentenza li ma tkunx bilfors waħda ta’ ħabs.