Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192649

PR192649

15/12/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA

​Investiment ta’ €1.5 miljun għal pneumatic tube fl-Isptar Mater Dei

Bħalissa fl-Isptar Mater Dei għadhom għaddejjin il-preparamenti u x-xogħlijiet neċessarji għar-robots għat-tqassim tal-mediċina fl-iswali tal-isptar.

Parti minn dan il-proġett kien jinkludi tisħiħ fis-sistema ta’ pneumatic tubes fl-Isptar Mater Dei. Permezz tas-sistema tal-pneumatic tubes, il-mediċina tista’ tiġi ordnata minn tabib f’sala u titwassal fl-istess sala f’temp ta’ ftit sekondi. 

Bit-tisħiħ tas-sistema, f’numru ta’ swali qed jitwaħħlu cabinets touch screen li se jilqgħu fihom il-mediċina li tintbagħat mis-sala dirett permezz tal-pneumatic tube. 

Is-sistema robotika għat-tqassim tal-mediċina fl-Isptar Mater Dei hi sistema innovattiva li qed tbiddel il-mod kif il-mediċina titqassam fl-isptar. B’din is-sistema mhux biss se jonqsu żbalji umani li jistgħu jsiru, iżda pazjent se jibda jingħata l-mediċina li għandu bżonn immedjatament.

Fuq dan il-proġett diġà hemm diversi robots fl-iswali tal-Isptar Mater Dei. Qed jiġi installat ukoll robot fl-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei u robot ieħor fis-CPSU, id-dipartiment li jqassam il-mediċini u t-tagħmir mediku lill-entitajiet kollha tas-saħħa.

“L-innovazzjoni hi ċ-ċavetta għall-futur. Fl-Isptar Mater Dei bħalissa minbarra l-innovazzjoni fil-qasam tat-tqassim tal-mediċina, għaddejjin ukoll bl-aħħar tħejjijiet biex mis-sena d-dieħla numru ta’ operazzjonijiet se jkunu qed isiru bl-assistenza tal-ewwel robot kirurġiku f’pajjiżna,” qal id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.