Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192664

PR192664

17/12/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI Parti kbira miż-żona ta’ fuq tal-Forti Sant’Anġlu aċċessibbli għall-pubbliku

​Heritage Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Ordni Militari u Sovran ta’ Malta ffirmaw ftehim li wassal biex parti kbira miż-żona ta’ fuq tal-Forti Sant’Anġlu issa hi aċċessibbli kuljum għall-pubbliku.

Dan il-ftehim hu l-aħħar wieħed minn serje ta’ kollaborazzjonijiet bejn iż-żewġ entitajiet, li matul is-snin wasslu għar-restawr u l-ftuħ ta’ iktar sezzjonijiet taż-żona ta’ fuq tal-Forti Sant’Anġlu għall-pubbliku, flimkien ma’ żjarat bi gwida f’din il-parti organizzati minn Heritage Malta.
 
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar dan il-ftehim u qal li permezz ta’ kollaborazzjonijiet ta’ din is-sura nistgħu nipprovdu aktar aċċess lill-komunitajiet tagħna għall-patrimonju ta’ pajjiżna. Owen Bonnici rrefera wkoll għall-inizjattivi numerużi li jsiru mill-aġenzija bħall-iskema ta’ passaporti għall-istudenti u għall-kbar li permezz tagħha dawk li jistgħu jibbenefikaw minnha għandhom aċċess b’xejn għas-siti u għall-mużewijiet li jaqgħu taħt Heritage Malta.
 
Iż-żona ta’ fuq tal-Forti Sant’Anġlu hi waħda mill-aktar partijiet antiki ta’ dan il-bini militari. Il-bitħa interna fi ħdanha kienet l-iżjed parti protetta fil-forti u matul il-Medju Evu kienet intenzjonata bħala l-aħħar post ta’ difiża f’każ ta’ attakk meta l-binja kienet għadha tissejjaħ Castrum Maris (kastell ħdejn il-baħar).
 
Sal-1530, din iż-żona protetta kienet tinkludi wkoll id-dar tal-kastellan, persuna ta’ fiduċja appuntata mill-Viċirè ta’ Sqallija biex iħares l-interessi tal-Kuruna f’Malta. Matul is-snin din il-binja baqgħet isservi bħala r-residenza ta’ min kien imexxi Forti Sant’Anġlu, u b’estensjoni, anke l-gżira.
 
Minn dar tal-kastellan, għal palazz maġistrali tal-gran mastru, għal residenza tal-gvernatur Britanniku tal-forti, u finalment bħala d-dar tal-kaptan sal-1979, wieħed jista’ josserva traċċi ta’ dawn il-bidliet hekk kif issa din iż-żona hi aċċessibbli għall-pubbliku.
 
Fost il-bini notevoli f’din il-parti tal-forti hemm in-nymphaeum, li nbena mill-Gran Mastru l’Isle Adam kif ukoll żewġ batteriji tal-kanuni li ġew miżjuda fl-1690 mill-inġinier militari Carlos Grunenbergh. Dawn il-batteriji, flimkien ma’ tnejn oħra, tpoġġew f’post strateġiku biex jipproteġu l-Port il-Kbir minn attakki bil-baħar mill-għadu u baqgħu armati sal-aħħar snin tas-seklu 19.
 
Fil-bidu tas-seklu 20 tqiegħed arblu navali f’dan il-forti, li miegħu kienu jittellgħu s-sinjali biex jimmanuvraw il-vapuri li jidħlu fil-port. Anke r-rapporti tat-temp kienu joħorġu minn dal-post. Il-bandiera tal-Flotta Rjali kienet tittella’ kuljum sa Marzu tal-1979. Dan l-arblu hu l-aħħar wieħed tax-xorta tiegħu li għadu jeżisti f’Malta.
 
Fl-1998, din il-parti tal-Forti ngħatat lill-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta għall-perjodu ta’ 99 sena u wara ġiet irrestawrata. Din iż-żona sservi bħala r-residenza tal-Kavallier Residenti, bħalissa l-Balliju Frà John Edward Critien.
 
Wara ftehim ieħor ta’ kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta li sar f’Settembru 2016, iż-żona ta’ fuq tal-Forti Sant’Anġlu saret aktar aċċessibbli għall-pubbliku u Heritage Malta organizzat żjarat bi gwida f’din il-parti sa Marzu 2019.
 
Skont dan l-aħħar arranġament, il-biljetti tad-dħul ta’ €10 għall-adulti, €6 għall-anzjani u għall-istudenti u €4 għat-tfal, se jkunu jinkludu żjara fil-forti flimkien ma’ aċċess għal parti kbira miż-żona ta’ fuq tal-Forti Sant’Anġlu fosthom il-Kappella ta’ Sant’Anna u l-ġonna tal-madwar, il-Batterija Nru. 5, il-bitħa interna, it-taraġ estern tal-Palazz Maġistrali u n-nymphaeum.
 
Għal aktar informazzjoni żur www.heritagemalta.org