Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192677

PR192677

18/12/2019

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Aktar riformi legali fil-qasam tal-ġustizzja

Wara proċess leġiżlattiv fil-Parlament li ġie konkluż iktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern qiegħed idaħħal fis-seħħ b’effett immedjat diversi emendi importanti, partikolarment fir-rigward tal-operat tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi (Asset Recovery Bureau), ta’ proċedimenti kriminali inizjati bil-kwerela tal-parti offiża, kif ukoll emenda dwar il-proċedura ta’ arrest ta’ bċejjeċ tal-baħar. 


L-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi sa mill-bidu tal-operat tiegħu f’Awwissu tal-2018 wettaq ħidma kruċjali fejn jidħol l-intraċċar, ġbir, żamma, preservazzjoni, immaniġġjar u disponiment xieraq u effiċjenti ta’ propjetajiet li direttament jew indirettament joriġinaw minn attivitajiet kriminali.

Madankollu, kien hemm aspetti f’diversi liġijiet illi kienu jirreferu għar-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali, u mhux għall-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, bħala l-awtorità kompetenti sabiex tagħmel stħarriġ, identifikazzjoni, intraċċar u disponiment tal-assi tal-akkużat. 

“Għaldaqstant, permezz t’emendi meħtieġa u opportuni fil-liġijiet kkonċernati, issa l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi ser jingħata aktar poteri u b’hekk isaħħaħ aktar l-impenn lejn il-ħidma nazzjonali kontra l-kriminalità organizzata,” saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. 

Bidla oħra importanti fil-liġi li ser tiddaħħal fis-seħħ tikkonċerna każijiet fejn il-proċediment kriminali jkun ittieħed bil-kwerela tal-parti offiża u l-kwerelant jirrinunzja għall-azzjoni. F’tali ċirkostanzi l-Qorti kienet, meta tiġi biex tiddikjara l-proċediment eżawrit, tkun marbuta li tiddeċiedi li l-ispejjeż li jkunu ġew inkorsi b’rabta mal-ħatra t’esperti irid jagħmel tajjeb għalihom ir-Reġistratur u finalment l-erarju pubbliku. 

Din is-sitwazzjoni kienet qed tiġi kkritikata bħala waħda nġusta saħansitra mill-Qrati stess fis-sentenzi tagħhom u għalhekk dawn l-emendi ser jipprovdu illi tali spejjeż iridu jiġu inkorsi mill-kwerelant innifsu li jirrinunzja għall-azzjoni kriminali.

Ser tiġi emendata wkoll l-liġi li tikkonċerna l-proċedura ta’ arrest ta’ bċejjeċ tal-baħar u dan sabiex il-mod kif jiġi eżegwit mandat t’arrest ta’ bċejjeċ tal-baħar isir b’mod aktar kordinat, effiċjenti u b’inqas periklu għall-marixxalli. B’dan il-mod inkunu qed nipproteġu l-interessi ta’ min jitlob il-ħruġ tal-mandat u nassiguraw li l-ordnijiet tal-Qorti jiġu eżegwiti kemm jista’ jkun malajr.

Dan kollu qiegħed isir u ser jibqa’ jsir sabiex dejjem aktar tissaħħaħ ir-rule of law u sabiex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn settur tal-ġustizzja aktar b’saħħtu.