Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190208

PR190208

04/02/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Aktar mediċini b’xejn u kunċetti ġodda fil-kura tal-kanċer

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tul dawn l-aħħar 18-il xahar żdiedu bi tmienja l-mediċini b’xejn fuq il-formularju tal-Gvern għall-kura tal-kanċer, b’żieda ta’ madwar €8 miljun fis-sena aktar fuq in-nefqa preċedenti. Mediċina oħra se tkun qed tiżdied fuq il-formularju  din is-sena. Tul l-istess perjodu ġie introdott servizz innovattiv li permezz tiegħu pazjenti ta’ tliet tipi ta’ kanċer differenti qegħdin ikunu segwiti fuq bażi personali biex ikunu mgħejuna sabiex ma jitilfu ebda aspett tal-kura li qegħdin jingħataw. Minn dan is-servizz ġdid qegħdin jibbenefikaw aktar minn 600 pazjent.

Id-Deputat Prim Ministru qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Kanċer organizzata mill-Uffiċċju tal-President, u li kellha t-tema ‘Tgħix mal-Kanċer’.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-ħames pilastri biex tkun kumbattuta l-marda tal-kanċer huma l-prevenzjoni, screening kmieni, trattament tal-marda, riabilitazzjoni u riċerka, li kollha qegħdin ikunu indirizzati bħala parti mill-istrateġija nazzjonali dwar il-kanċer imnedija 18-il xahar ilu.

Dwar il-prevenzjoni, id-Deputat Prim Ministru qal li għal din il-miżura jista’ jikkontribwixxi kulħadd billi jaderixxi ma’ stil ta’ ħajja adegwat, bħalma hija dieta bilanċjata, evitar ta’ tipjip u konsum ta’ alkoħol, kif ukoll allokazzjoni ta’ ħin għal eżerċizzji fiżiċi. Għal dan il-għan, fix-xhur li ġejjin id-Dipartiment tas-Saħħa flimkien mal-kunsilli lokali se jimbarkaw fuq programmi ta’ gwida għaċ-ċittadini għal stil ta’ ħajja adegwat.

Fir-rigward ta’ trattament, id-Deputat Prim Ministru qal li l-kura li tingħata miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo hija ta’ min ifaħħarha. Sadanittant, ta’ kull sena qegħdin jiżdiedu l-mediċini għall-kura tal-kanċer fuq il-formularju tal-Gvern b’nefqa ta’ aktar minn €8 miljun fis-sena fuq dawk li diġà kien hemm. Fil-fatt, mis-sena 2017 lil hawn żdiedu tmien mediċini ġodda fuq il-formularju biex jingħataw b’xejn lill-pazjenti. Din is-sena se tkun qed tiżdied mediċina oħra li tintuża għal kontra l-melanoma u b’kura għall-kanċer tal-pulmun. Se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn din il-miżura madwar 65 pazjent, bi spiża ta’ madwar €4 miljun kull sena.

Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li tul dawn l-aħħar 18-il xahar iddaħħal il-kunċett ta’ ‘navigatur’ li ħidmietu tkun li jiggwida lill-pazjent partikolari minn kull stadju ta’ trattament għall-ieħor, u b’hekk ma jkunx hemm il-periklu li l-pazjent jitlef xi forma ta’ trattament. Dan huwa servizz innovattiv għal Malta li nbeda għall-każijiet ta’ kanċer tal-musrana u li minnu qegħdin jibbenefikaw madwar 300 pazjent, li mbagħad żdied ukoll għal każijiet tal-pulmun, li fuqu hemm madwar 150 pazjent. Issa tnieda servizz simili għal pazjenti tal-kanċer tal-prostata li fuqu hemm bejn 150 u 170 pazjent.

Dwar ir-riċerka, id-Deputat Prim Ministru qal li llum ninsabu f’sitwazzjoni fejn m’għadniex niddependu biss fuq ir-riċerka li ssir f’pajjiżi barranin, imma grazzi għall-ħidma min-naħa tal-President Marie-Louise Coleiro Preca, twaqqfet fondazzjoni għar-riċerka tal-kanċer f’pajjiżna stess.

“Il-kanċer jibqa’ dejjem problema imma llum, grazzi għal kura aktar effettiva, ħafna drabi l-kanċer ikun maniġabbli. It-tama hija ferm aktar milli kienet qabel u dan grazzi għal mediċini aktar effettivi u servizzi mill-aqwa mill-professjonisti tagħna f’kull kategorija”, temm jgħid Chris Fearne.