Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190364

PR190364

25/02/2019

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Laqgħa interministerjali għat-twettiq u l-ippjanar għall-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali


Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, ippresedew waqt laqgħa interministerjali għat-twettiq u l-ippjanar tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. 

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia saħaq fuq l-importanza tal-koordinament kontinwu bejn l-korpi dixxiplinati u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. “Ilbieraħ kelli l-opportunità li nesperjenza mill-qrib il-koordinament  bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija, u l-Forzi Armati ta’ Malta sabiex jipproteġu lill-poplu u jsalvaw il-ħajjiet. Mhux biss koordinazzjoni bejniethom, iżda wkoll koordinazzjoni bejn diversi setturi u entitajiet ta’ ministeri oħrajn”, qal il-Ministru Michael Farrugia. 

Il-Ministru Farrugia semma kif il-ministeru qed jaħdem fuq pjan ta’ evalwazzjoni sabiex dejjem titjieb is-sigurtà ta’ pajjiżna, u fost l-oħrajn qed tiġi mfassla strateġija għall-Korp tal-Pulizija. Il-Ministru aċċenna kif ftit tal-ġimgħat ilu ġie mħabbar proġett li jgħaqqad diversi databases tal-Korp tal-Pulizija kif ukoll entitajiet oħra bħall-MFSA sabiex jiġu miġġielda economic crimes, li dejjem qegħdin jiżdiedu minkejja tnaqqis ta’ 7% fil-kriminalità rrapurtata fl-2018. Huwa qal li qed isir ħafna investiment fil-Korp li sfortunament mhux dejjem ikun mħabbar fil-media minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. 

Il-pjan u l-investiment għaddej ukoll fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta fejn iridu jiżdiedu r-riżorsi umani sabiex tkompli tissaħħaħ l-armata ħalli tkun tista’ tkompli bis-servizz eċċezjonali li qed tagħti għas-sigurtà ta’ pajjiżna u l-ħtiġijiet ta’ salvataġġ, eċċ. 

Il-Ministru Farrugia saħaq li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jrid jissaħħaħ mhux biss fir-riżorsi umani, iżda wkoll fl-infrastruttura. Hemm pjan mifrux fuq medda ta’ madwar seba’ snin fejn l-istazzjonijiet kollha jerġgħu jinbnew u jkunu anti-sesmiċi, dan sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkun jista’ jirrispondi għas-sejħiet tal-emerġenza f’każ ta’ terremot. Bħalissa qed jiġi mfassal legal notice li jirregola l-fire regulations sabiex il-binjiet f’pajjiżna jkunu mibnija b’mod aktar sigur għar-residenti u li jilqgħu għal każi ta’ emerġenza. 

Il-Ministru Farrugia semma kif ittieħdu ħafna deċiżjonijiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex issir il-bidla tant mistennija. Huwa qal kif il-Ministeru ġie ppreżentat l-ewwel draft tal-Prison Brief li se jiġi evalwat u tintalab aktar informazzjoni jekk ikun meħtieġ, biex kif jitlesta jigi kkumplimentat b’design brief li ħa jservi bħala bażi tal-pjanijiet ’l quddiem. Il-Ministru rringrazzja lil numru ta’ NGOs li jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Ministeru f’dak li għandu x’jaqsam mal-lat soċjali. 

Settur ieħor kruċjali hu dak tal-critical infrastructure li jassigura bidliet fl-infrastruttura ta’ servizzi essenzjali biex b’hekk dan id-dipartiment jibqa’ proattiv. Il-Ministru Farrugia saħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn id-dipartimenti u l-entitajiet governattivi, kif ukoll ma’ dawk privati sabiex pajjiżna jkun aktar sigur u protett. 

Fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tal-laqgħa, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, irringrazzja lill-ħaddiema u lill-voluntiera tal-Protezzjoni Ċivili, lill-membri tal-Korp tal-Pulizija u anki tal-Forzi Armati ta’ Malta, għax-xogħol bla waqfien tul tmiem din il-ġimgħa biex ilaħħqu mal-ħerba li ħalla warajh il-maltemp. 

Huwa fisser kif il-kordinament bejn entitajiet tal-Gvern, fosthom anki dawk mill-Enemalta u mid-Direttorat tal-Indafa Pubblika, wera b’saħħa u determinazzjoni kemm is-Servizz Pubbliku rrisponda mill-ewwel biex jgħin lin-nies. Is-Sur Cutajar qal li bħalma fi tmiem il-ġimgħa sar l-isforz li sar, hekk irid jibqa’ jsir f’kull eventwalità. Huwa semma li waħda mill-aktar Key Performance Indicators importanti fil-gvern tinsab, fil-fatt, f’dal-Ministeru. Permezz tagħha jridu jitfasslu protokolli għal kull każ ta’ emerġenza li jinqala’. Fil-fatt qiegħed isir investiment qawwi biex il-forzi tal-emerġenza jkunu ppreparati għal kull eventwalità.

Fl-isfond tat-tema tal-laqgħa, ‘Kordinazzoni u Teamwork’, is-Sur Mario Cutajar semma kif il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kiseb bosta suċċessi għall-aħjar tal-impjegati tiegħu. Semma d-dritt li l-korpi dixxiplinati jissieħbu f’union u anki l-ftehim kollettiv ġdid li ġie ffirmat għall-membri tal-Pulizija u l-proċess li għaddej għal ftehim kollettivi oħra għall-korpi l-oħra. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li fis-sena 2013 is-Servizz Pubbliku kellu problemi ta’ tmexxija u delegazzjoni, u li b’konsegwenza ta’ hekk id-deċiżjonijiet kienu jibqgħu ma jitteħdux. Huwa semma kif il-flessibbiltà li jagħti s-Servizz Pubbliku ntużat biex jissaħħu l-istrutturi interni u jiġu adottati sistemi u kunċetti ġodda li jagħtu servizz aħjar lill-pubbliku. Dan intlaħaq fosthom bit-twaqqif tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi li jilqa’ fih numru ta’ uffiċjali pubbliċi li jridu jimirħu u jwessgħu l-karriera tagħhom, kif ukoll it-twaqqif ta’ servizz.gov. 

L-ippjanar u t-twettiq huma l-bażi li fuqhom qiegħed u jrid jimxi s-Servizz Pubbliku, qal is-Sur Cutajar. Fil-fatt bħalissa għaddej investiment ta’ €40 miljun fl-IT biex jipprepara għall-infrastruttura tal-quddiem. Il-mira tal-amministrazzjoni pubblika hija li naqilbu għal sistema tal-once-only principle, li biha l-pubbliku jagħti l-informazzjoni lill-Gvern darba biss.

Preżenti għal-laqgħa interministerjali kien hemm is-Segretarju Permanenti għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali s-Sur Kevin Mahoney, u uffiċjali għolja fi ħdan il-Ministeru, kif ukoll uffiċjali għolja fi ħdan id-dipartimenti u l-entitajiet tal-Ministeru.