Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190379

PR190379

26/02/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI

​It-tnedija ta’ skema ta’ benefiċċji għal min isofri aċċidenti personali fuq ix-xogħol għall-impjegati tal-Forzi Dixxiplinati u uffiċjali tad-Dwana 


Membri tal-Forzi Dixxiplinati u uffiċjali tad-Dwana se jkunu qed jingħataw sa erba’ snin paga jew €180,000 f’każ ta’ incident serju fuq il-post tax-xogħol.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-kwartieri ġenerali tad-Dwana fil-Belt Valletta, fejn ġiet imnedija l-iskema ta’ benefiċċji għal aċċidenti personali fuq ix-xogħol u mpjegati ta’ ċertu entitajiet fis-settur pubbliku u dipartimenti tal-gvern. 

Ewlenin fost dawn id-dipartimenti hemm il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, id-Dipartiment tad-Dwana ta’ Malta, is-Servizz ta’ Sigurtà ta' Malta, u s-Servizzi ta’ Faċilitajiet Korrettivi ta’ Malta

Il-Ministru Scicluna spjega li din l-iskema se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju li ġej. Qal li l-benefiċċju pagabbli fil-każ ta’ mewt jew diżabilità permanenti se jkun ta’ mija fil-mija, filwaqt li f’każ ta’ diżabilitajiet permanenti li huma inqas minn mija fil-mija, se jitħallsu skont skala evalwata minn bord mediku. Huwa spjega  kif il-gvern qed jagħmel dak li talbu l-istess dipartimenti, li qegħdin fil-periklu ta’ korrimenti u mwiet iżjed minn kwalunkwe ħaddiema oħra. Fil-fatt, il-gvern ħa l-pariri ta’ professjonisti oħra fl-industrija, bid-differenza li l-gvern se joffri l-iskema mingħajr ħlas ta’ premiums mill-impjegati. Għal din l-iskema se jkun qed jinfetaħ ukoll uffiċċju ġdid fil-Ministeru għall-Finanzi li se jara li din l-iskema titmexxa kif suppost, flimkien ma’ bord fejn persuna tista’ tappella d-deċiżjoni li jkun ħa l-uffiċċju.

Il-Ministru Scicluna spjega wkoll dwar kif żdied kumpens addizzjonali ta’ €5,000 għall-apparat fid-dar li wieħed ikollu bżonn f’każ ta’ korriment, filwaqt li qal ukoll li din l-iskema se tinkludi lil dawk li huma membri f’xi dipartiment jew entità minn dawn fuq bażi part-time.

“Kburin li dak li wegħdna qed inwettquh, jiġifieri li kull min hu f’korp dixxiplinat u anke fid-dwana u jinqalagħlu inċident u jweġġa’ u jsofri diżabilità ma hemmx għalfejn imur il-qorti biex jieħu r-raġun u kumpens adegwat. Minflok dawn għandhom struttura fejn jistgħu jieħdu kumpens. Irridu li s-soċjetà tibda tirrikonoxxi u tikkumpensa lil dawn il-membri tal-forzi dixxiplinati li jiltaqgħu mad-dinja kriminali”, qal il-Ministru Scicluna. 

Il-Ministru Scicluna rringrazzja lill-korpi u d-dipartimenti kollha nvoluti għax-xogħol li jagħmlu b’mod partikolari f’ġurnata bħal ta’ nhar il-Ħadd, fejn pajjiżna nħakem minn maltempata kbira.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li saru diversi diskussjonijiet fuq il-benefiċċji li se jgawdu minnhom il-ħaddiema f’każ ta’ inċident serju waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ministru Farrugia stqarr li l-inċident ta’ Simon Schembri kompla jixpruna t-taħdidiet fuq it-tip ta’ assigurazzjoni li wieħed għandu jingħata f’każ ta’ mewt jew f’każ ta’  inċident serju waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Ġie deċiż li l-membri tal-Korpi Dixxiplinati u l-uffiċjali tad-Dwana jingħataw dawn il-benefiċċji f’dawn il-każijiet. Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lill-membri tal-Korpi Dixxiplinati u l-uffiċjali tad-Dwana għax-xogħol kontinwu li jagħmlu biex jipproteġu lil pajjiżna u jiġġieldu l-kriminalità kemm f’pajjiżna kif ukoll bejn pajjizi terzi. “Din l-istorja li qed niktbu llum hija rikonnoximent tax-xogħol u l-ħidma li jwettqu l-membri tal-Korpi Dixxiplinati u l-uffiċjali tad-Dwana, u huwa pjaċir tiegħi li ninsab hawnhekk flimkien mal-Ministru tal-Finanzi ħalli flimkien niktbu l-istorja”, temm id-diskors tiegħu l-Ministru Michael Farrugia. 

“Kemm inħossni onorat illi llum qegħdin niktbu l-istorja. Tul dawn l-aħħar sitt snin, dan il-gvern wettaq l-istorja fi ħdan il-Korpi Dixxiplinati. Għall-ewwel darba l-membri tal-Korpi Dixxiplinati ingħatalhom id-dritt li jiġu ppreżentati minn union tal-għażla tagħhom u sar l-ewwel ftehim kollettiv għall-membri tal-Korp tal-Pulizija bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema minflok ftehim deciż mill-uffiċjali għolja taghhom, kif kien isir qabel. Għaddejjin diskussjonijiet sabiex jintlaħaq ftehim kollettiv għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, għall-Forzi Armati ta’ Malta u għad-Diviżjoni tas-Servizzi Korrettivi”, saħaq il-Ministru Michael Farrugia. 

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet intqal li din l-iskema tipprovdi wkoll benefiċċji estiżi oħra skont iċ-ċirkostanzi tal-każ bħal spejjeż ta’ funeral, spejjeż ta’ ripatrijazzjoni u modifiki fid-dar. Taħt din l-iskema, l-intitolament għall-benefiċċji jibqa’ fis-seħħ fil-każ ta’ korriment ikkawżat minn att kriminali li jseħħ matul id-disgħin (90) jum immedjatament wara t-tmiem tal-impjieg.