Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190402

PR190402

27/02/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA: Beda b’suċċess il-proġett ta’ integrazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’investiment ta’ €2 miljun kofinanzjati mill-Fond tal-Ażil, Migrazzjoni, u Integrazzjoni

Il-proġett ta’ integrazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi beda b’suċċess, wara li d-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni, li qed imexxi l-imsemmi proġett, irċieva aktar minn 700 applikazzjoni fl-ewwel tliet xhur mis-sejħa għall-parteċipanti. Figura li tiżboq bil-wisq il-mira oriġinali ta’ tmien mitt applikazzjoni fl-ewwel sena tal-proġett, u li tikkonferma l-interess qawwi fost persuni barranin li jitgħallmu l-lingwa Maltija u jintegraw fil-komunitajiet tagħna. 

Dan kollu qed isir b’investiment ta’ madwar żewġ miljun ewro kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond tal-Ażil, Migrazzjoni, u Integrazzjoni. 

Waqt żjara fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija f’Raħal Ġdid, fejn qed jingħataw il-lezzjonijiet fil-Malti, fl-Ingliż, u fl-orjentazzjoni kulturali, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli tkellmet ma’ wħud mill-ewwel grupp ta’ 102 persuna li qed isegwu l-korsijiet fil-livell bażiku. Dawn il-lezzjonijiet qed jingħataw ukoll fil-kampus tal-MCAST fil-Mosta bil-għan li jintlaħqu kemm jista’ jkun persuni. 

Apparti dawk, hemm ukoll 70 persuna li qed jattendu klassijiet tal-Università ta’ Malta fil-livell avvanzat, b’dawn tal-aħħar għandhom jgħinu lil dawk li jtemmu l-kors b’suċċess fl-applikazzjoni tagħhom għal residenza fit-tul f’pajjiżna. 

Il-Ministru Helena Dalli fissret kif b’koperazzjoni sħiħa mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, dan il-proġett qed ikattar l-integrazzjoni ta’ persuni li qegħdin f’pajjiżna legalment, u li għandhom kull intenzjoni li jibqgħu jgħixu f’Malta f’armonija mal-Maltin. Dan kien sentiment komuni fost l-istudenti preżenti li faħħru l-poplu Malti għall-ospitalità tiegħu u l-qalb tajba tiegħu. 

F’dan ir-rigward, Dr Dalli żiedet li dan il-proġett jimxi lil hinn mill-multikulturaliżmu fejn persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti jgħixu ħdejn xulxin, u jimmira lejn soċjetà interkulturali fejn persuni bi sfond differenti jgħixu ma’ xulxin. B’hekk qed jibbenefikaw ukoll il-Maltin li qed jitgħallmu dwar drawwiet u tradizzjonijiet diversi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni Silvan Agius tenna li l-proġett se jkompli jiġġedded bil-għan li kull min applika jingħata l-opportunità li jsegwi l-programm ta’ taħriġ. Fil-fatt, huwa kkonferma li ladarba jintemm l-ewwel set ta’ lezzjonijiet, se jibdew sessjonijiet ġodda għall-applikanti pendenti.