Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190041

PR190041

11/01/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U MILL- UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

​Jitwaqqaf l-ewwel one-stop-shop li se jinkorpora fih is-servizzi edukattivi taħt saqaf wieħed

Is-servizzi li jingħataw mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol issa se jkunu offruti taħt saqaf wieħed permezz ta’ one-stop-shop fil-binja tal-Ministeru fil-Furjana.

Edu’ - servizz.gov se jkun qed joffri mal-ħamsin servizz speċifiku u speċjalizzat fosthom tagħrif dwar reġistrazzjoni ta’ tfal fl-iskejjel, servizzi ta’ psikoloġija u kontra l-ibbullijar, applikazzjonijiet għal-Lifelong Learning u korsijiet għall-adulti, mistoqsijiet dwar applikazzjonijiet għal eżamijiet, impjiegi għall-istudenti Universitarji u tal-MCAST matul is-sajf, ERASMUS+, Skola Sajf, servizzi marbuta maċ-child care centres u l-Family Support Services, fost l-oħrajn.

Dan il-one-stop-shop se jkollu wkoll uffiċċju ta’ servizz.gov sabiex persuna li tidħol fil-ministeru tkun tista’ tingħata għajnuna b’aktar minn 250 servizz taħt saqaf wieħed.

It-tnedija tal-one-stop-shop, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar.

Il-Ministru Bartolo saħaq li dan il-one-stop-shop se jelimina l-iskariġġ għaċ-ċittadin meta jkollu bżonn informazzjoni jew assistenza relatata ma’ servizzi edukattivi u b’hekk is-servizz pubbliku jnaqqas il-burokrazija u jżid l-effiċjenza.

Il-ministru żied jgħid li wara dan il-proġett kien hemm ħidma u sinerġija sħiħa bejn iż-żewġ naħat biex tħejjew il-pjanijiet kollha u li anke ġie organizzat taħriġ intensiv għall-impjegati kollha li qed jaħdmu f’dan il-hub.

Is-Sur Mario Cutajar qal li dan il-one-stop-shop huwa wieħed mill-Key Performance Indicators li tnedew f’Mejju 2018 meta kien tħabbar it-tieni sett ta’ KPIs.

Huwa fisser kif bħalissa qiegħed isir xogħol estensiv fuq żewġ one-stop-shops oħra, wieħed fuq servizzi offruti mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u l-ieħor mill-Ministeru għall-Finanzi fuq it-tassazzjoni.

Fakkar li matul is-sena l-oħra l-amministrazzjoni pubblika ħabbret numru ta’ Key Performance Indicators li kienu mmirati għat-tisħiħ fid-dipartimenti. Fost dawn infetħu numru ta’ one-stop-shops li jkomplu joffru aċċessibbiltà eħfef għas-servizzi pubbliċi. Fost dawn hemm il-ftuħ ta’ uffiċċju minn Identity Malta fl-Isptar Mater Dei għal min irid jinnotifika twelid, mewt u applikazzjonijiet għal passaport urġenti; komplew jiżdiedu s-servizzi indirizzati għan-negozji f’Business 1st li twaqqaf fl-2017; infetaħ one-stop-shop għall-uffiċjali pubbliċi; tħaffef il-proċess għar-rifużjoni ta’ grants relatati ma’ spejjeż ta’ tiġijiet u xiri ta’ strumenti mużikali fost oħrajn minn tliet xhur għal-ħamest ijiem.

Il-viżjoni għall-2019 hija waħda ċara: mill-viżjoni attwali ta’ 24/7 għal kulħadd, minn kullimkien għall-viżjoni li jmiss li persuna tagħti l-informazzjoni tagħha darba lill-gvern. Is-Sur Cutajar qal li din is-sena se jiddaħħlu l-Quality Service Charters bir-rabta ta’ servizz ta’ kwalità lill-klijenti mid-dipartimenti rispettivi u se tkun is-sena li fiha ukoll se nvaraw il-Quality Labels għal dawk id-dipartimenti u entitajiet b’servizz li jilħaq standards għolja.