Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190064

PR190064

16/01/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI

Il-Mużew Marittimu Malti bi proġett ġdid ta’ €2,000,000 b’ żieda fl-ispazju ta’ aktar minn 500m2 u diġitizzazzjoni għal esperjenza aħjar

 
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia ħabbru proġett ġdid minn Heritage Malta, li bis-saħħa tiegħu, il-Mużew Marittimu Malti fil-Birgu, se jżid b’mod konsiderevoli l-ispazju totali disponibbli għal pubbliku kif ukoll l-ispazju għall-wiri. Apparti minn hekk, l-aġenzija se tkun qiegħda tilħaq aktar viżitaturi diġitali, permezz tad-diġitizzazzjoni ta’ 2,600 oġġett mill-kollezzjoni tal-mużew.
 
Il-Ministru Bonnici stqarr li dan il-proġett se jikkontribwixxi għat-titjib tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali bit-tisħiħ tal-wirt kulturali bħala settur rilevanti u essenzjali għad-dinja tal-lum.
 
“Il-wirt u l-preservazzjoni maż-żmien qegħdin isiru aktar essenzjali, u matul dawn l-aħħar snin is-settur kulturali nbidel f’industrija li qiegħda tkompli żżid l-valur tagħha b’mod sinifikanti. B’dan il-proġett, l-ispazju totali tal-Mużew Marittimu Malti se jiżdied b’mod konsiderevoli wkoll, minn  1086 m2 għall-1629 m2. Grazzi għar-restawr u l-aġġornamenti, dan il-proġett se jagħmel iż-żona u l-prodott turistiku offrut f’din il-parti ta’ Malta aktar attraenti, filwaqt li nipprovdu l-komunitajiet tagħna bi spazji li kienu inaċċessibbli, għal esperjenza kulturali aħjar,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
  
Dan il-proġett ta’ €2,015,529 huwa ko-finanzjat minn għotja ta’ fondi mill-Iżlanda, Liechtenstein u n-Norveġja taħt il-Fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li permezz tal-iffirmar tal-Memoranda ta’ Ftehim (MOU) fi Frar 2017, il-Gvern Malti bbenefika minn €8 miljun (€4 miljuni taħt il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-Żona Ekonomika Ewropea, €3.3 miljuni taħt il-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż u €0.7 miljuni taħt il-Fond għas-Soċjetà Ċivili), jiġifieri żieda ta’ €3 miljuni mill-programm preċedenti tal-2009-14.

Farrugia qal li is-suċċess tal-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett li qieghed isir minn Heritage Malta fil-Mużew Marittimu fil-Birgu se jassigura l-kontribut ta’ Malta għal dawn il-fondi għat-tisħiħ ta’ setturi ta’ prijorità, bħall-inklużjoni soċjali, l-impjieg taż-żgħażagħ u t-tnaqqis tal-faqar. Żied jghid li tfal, żgħażagħ f’riskju u gruppi vulnerabbli fil-Birgu ser ikunu l-gruppi mmirati matul dan il-programm u proġetti bħal dawn għandhom jimmiraw li jsaħħu l-bidla sistematika. 

Huwa interessanti li wieħed jinnota li l-patrimonju kulturali dejjem kien prijorità fil-programmi kollha tal-mekkaniżmi finanzjarji taż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja.

Fil-bidu tas-snin disgħin, sar xogħol konsiderevoli biex tiġi restawrata u adattata parti mill-Forn Navali Antik biex iservi bħala l-Mużew Marittimu Malti. Sal-lum, perstentaġġ żgħir biss tal-binja qiegħed iservi bħala mużew.
  
F’dawn l-aħħar snin, Heritage Malta bdiet il-programm ta’ restawr ambizzjuż biex tirrestawra t-tessut estern ta’ din l-istruttura storika. L-aġenzija lestiet ir-restawr ta’ turretta, il-faċċata ta’ quddiem u l-ġnub, u qiegħda fil-proċess li tlesti r-restawr tal-faċċata ta’ wara, u l-aperturi kollha permezz ta’ fondi nazzjonali.
 
Dan il-proġett il-ġdid se jikonsolida l-binja permezz ta’ interventi strutturali li se joħolqu mill-ġdid l-ambjent li ġie ddisinjat oriġinarjament mill-Arkitett Brittanniku magħruf William Scamp f’nofs is-seklu dsatax, kif ukoll jintroduċi partijiet u spazji ġodda fuq ġewwa. Tnejn minn dawn l-interventi ewlenin se jinvolvu t-tneħħija tal-fdalijiet ta’ wieħed mis-silos li nbena aktar tard matul l-era Ingliża u l-bini mill-ġdid tal-arkati/spazji, kif ukoll it-tiswija u restawr tas-saqaf ta’ fuq nett ta’ din in-naħa tal-bini. 
 
It-tneħħija tas-silo se tipprovdi għal spazju aktar ġeneruż biex tinħoloq sala foyer aktar aċċessibbli fil-pjan terran li se tinkludi żona ta’ lqugħ, ħanut tal-mużew, u spazji għall-wirjiet temporanji. L-introduzzjoni ta’ spazji ġodda fl-ewwel u t-tieni sular se tiffaċilita ż-żieda ta’ artifatti li jkunu għal wiri b’mod permanenti kif ukoll tiżdied l-interazzjoni tal-pubbliku mal-wirjiet. Spazju akbar għall-wiri se jkun pprovdut f’silo li se jinżamm u li se jinqasam f’4 sulari.
 
Il-parti tad-diġitazzjoni tal-proġett għandha l-għan li toħloq database aċċessibbli b’mod elettroniku, b’ħafna informazzjoni, tagħrif u forom varji ta’ media diġitali għall-assi tal-wirt kulturali Malti, li jiffukaw fuq il-kollezzjoni ta’ mudelli u strumenti ta’ navigazzjoni tal-Mużew Marittimu.
 
Dan il-proġett kapitali li se jiġi ffinalizzat fl-2022 huwa mistenni li jwassal għal żieda annwali ta’ 5,000 viżitatur aktar kif ukoll sabiex tiżdied l-udjenza diġitali tal-Mużew Marittimu Malti.