Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190100

PR190100

19/01/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI Jingħataw il-premji tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji

Saret iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji lir-rebbieħa tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji minn Festivals Malta, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Din il-kompetizzjoni ttellgħet fi żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena u b’kollox ingħataw 16-il premju fi flus, bis-somom ivarjaw skont it-taqsima li l-parteċipanti ħadu sehem fiha. Ir-riżultati tar-rebbieħa kienu tħabbru fil-bidu ta’ Jannar li għadda.
 
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici rringrazzja lill-parteċipanti kollha tas-sehem tagħhom fil-kompetizzjoni u tal-esperjenza unika li taw lill-pubbliku.
 
“Din il-kompetizzjoni hi meqjusa bħala attività importanti fil-kalendarju ta’ Festivals Malta minħabba li l-għan tagħha hu li  tinżamm ħajja din it-tradizzjoni filwaqt li jitkattar l-interess kemm fid-dilettanti tal-presepju sabiex ikomplu jaħdmu f’dan is-settur, kif ukoll biex jitħeġġu parteċipanti ġodda sabiex jieħdu sehem f’inizjattivi bħal dawn li jkomplu jippromwovu l-kultura u t-tradizzjonijiet lokali tagħna. L-istrateġija tagħna fis-settur kulturali hija li nassiguraw li l-komunitajiet ikollhom l-opportunità li juru u jaħdmu fuq it-talenti kreattivi tagħhom b’mod li jkunu mħeġġa li jiżviluppawhom, filwaqt li nkomplu nagħmlu l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli permezz ta’ prospettivi bħal dawn”, qal il-Ministru Bonnici. 
 
Id-Direttur ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet li, “it-tradizzjoni tal-presepju fil-gżejjer Maltin tmur lura aktar minn 400 sena, u għalhekk rabbiet sew l-għeruq fost il-poplu ta’ dawn il-gżejjer. Minkejja dan, wara t-Tieni Gwerra Dinjija bdew deħlin f’Malta drawwiet u użanzi barranin f’dak li kien jirrigwarda ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied. L-għan ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni hi li tiċċelebra t-talent artistiku Malti. Barra minn hekk, permezz ta’ din il-kompetizzjoni, Festivals Malta tgħin sabiex tixpruna interess kemm biex aktar individwi u gruppi jibqgħu jaħdmu dan ix-xogħol fuq dimensjoni aktar professjonali u artistika, kif ukoll sabiex inkomplu nqanqlu interess fil-poplu Malti u Għawdxi sabiex jipparteċipaw billi jżuru dawn il-presepji fi żmien il-Milied. Il-kompetizzjoni tgħin ukoll sabiex din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja u preżenti f’pajjiżna”. 
 
Il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji hi kompetizzjoni li ilha ssir għal numru twil ta’ snin u taqa’ taħt il-kappa ta’ Festivals Malta. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena n-numru ta’ presepji li pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni laħaq il-51. 
 
Il-kompetizzjoni tara parteċipazzjoni minn għadd ta’ persuni b’etajiet varji. Il-kompetizzjoni hi maqsuma f’sitt kategoriji: presepju mekkaniku, presepju kbir, presepju ta’ qies medju, presepju żgħir, presepju oriġinali fil-materjal, u presepju oriġinali fl-eżekuzzjoni.
 
Il-presepji jiġu ġġudikati fuq dawn l-elementi: kreattività; grotta/nattività; tqassim, proporzjon, artistrija u dettall; it-tqassim u l-konsistenza fl-istil tal-pasturi; atmosfera, dawl u mużika; id-dehra ġenerali. 

Il-lista tar-riżultati tista’ tiġi aċċessata minn: http://www.festivalsmalta.com/news/results-national-crib-competition.