Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191467

PR191467

02/07/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA

​Mater Dei ċentru ta’ koordinazzjoni għal sptarijiet speċjalizzati Ewropej

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta ċertifikat ta’ rikonoxximent lill-Isptar Mater Dei li se jkun ċentru ta’ koordinazzjoni għal sptarijiet speċjalizzati Ewropej, magħrufa bħal European Reference Networks.

Il-European Reference Networks huma 24 network li jġibu flimkien madwar 500  ċentri tas-saħħa u sptarijiet speċjalizzati fuq mard rari madwar l-Ewropa kollha.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li qegħdin naraw ix-xogħol tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea tħalli l-frott tagħha, dan hekk kif il-mard rari u l-European Reference Networks kienu tpoġġew fuq l-aġenda Maltija tal-Presidenza fil-qasam tas-saħħa.

Huwa qal li għalkemm kull marda li wieħed ikollu hija kerha, marda rari tiżolak ferm aktar. F’pajjiżna, kemm ilu li ġie mwaqqaf ir-Reġistru għal Mard Rari, 3,539 pazjent ġew irreġistrati li għandhom  marda rari.

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lis-Sinjura Michelle Muscat tal-ħidma tagħha f’dan il-qasam u talli kienet strumentali biex il-mard rari jitpoġġa fuq quddiem tal-aġenda f’livell Ewropew.

Min-naħa tagħha, is-Sinjura Michelle Muscat qalet li llum hija ġurnata storika u li l-ħidma ta’ tant snin saret realtà.

Is-Sinjura Muscat qalet li l-Alleanza għal Mard Rari tgħaqqad flimkien persuni b’mard rari u flimkien jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jgħinu lil xulxin, biex b’hekk jonqos ftit mill-iżolament li ġġib magħha marda rari.