Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191469

PR191469

03/07/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-Amministrazzjoni Pubblika tippubblika t-tweġiba tagħha għar-rapport tal-Awditur Ġenerali 


Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-Amministrazzjoni Pubblika ppubblikat it-tweġiba tagħha għar-rapport tal-Awditur Ġenerali.

Din id-darba t-tweġiba ngħatat għar-Rapport Annwali li jkopri s-sena finanzjarja 2017 u rapporti oħra ppubblikati fl-2018. 

Meta indirizza lill-ġurnalisti dwar il-pubblikazzjoni mnedija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li fir-rapport tiegħu għall-2017, l-Awditur Ġenerali elenka 192 rakkomandazzjoni li minnhom l-Amministrazzjoni Pubblika laqgħet 172 (90%). 

Minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew identifikati 332 azzjoni li minnhom ġew implimentati 78%.
Huwa fakkar li għal snin sħaħ, dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu jaqgħu fuq widnejn torox filwaqt li fl-aħħar erba’ snin qed jingħata sinjal ta’ kontabilità ċara, fejn mhux biss jingħata rendikont tar-rakkomandazzjonijiet milqugħa, iżda wkoll tal-mod kif dawn ġew implimentati.

L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet tiġi vverifikata mid-Dipartiment għall-Awditjar Intern u Investigazzjoni Finanzjarja. 

F’każijiet fejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet milqugħa tinsab fil-proċess, ingħatat data sa meta din ser titwettaq. 

Fl-istess waqt, fil-każijiet fejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ma ntlaqgħux, ingħatat spjegazzjoni ċara dwar ir-raġuni għal dan. 

Uħud mir-rakkomandazzjonijiet milqugħa u implimentati jinkludu dawk relatati mal-ġbir ta’ ħlasijiet dovuti għall-użu tal-isptar Mater Dei minn pazjenti barranin, oħrajn relatati ma’ proċeduri tal-akkwist u anke dwar nuqqasijiet relatati ma’ ġestjoni tal-inventarju fost oħrajn. 

Għall-ewwel darba din is-sena, l-Amministrazzjoni Pubblika estendiet l-eżerċizzju tagħha biex twieġeb ukoll għal rapporti oħra tal-Awditur Ġenerali ppubblikati fl-2018. Dawn inkludew sitt rapporti dwar ‘Performance Audits’, ħames investigazzjonijiet, u Audit dwar l-Informazzjoni Teknoloġika. 

F’din l-istess pubblikazzjoni qed jiġu ppreżentati rapporti qosra dwar kull wieħed minn dawn l-eżerċizzji flimkien mal-azzjoni meħuda mid-dipartiment jew l-entità fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali. 

Għal darb’oħra, din il-pubblikazzjoni tkompli tibni fuq il-ħidma li l-Amministrazzjoni Pubblika mbarkat fuqha fir-rigward ta’ trasparenza, kontabilità u governanza tajba. Ħidma li fuq kollox qed tissarraf f’Servizz Pubbliku brillanti, b’servizz eċċezzjonali.