Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191520

PR191520

08/07/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: “Għandhom jiġu determinati standards għall-mod kif isiru l-affarijiet fl-istituzzjonijiet” – is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, s-Sur Mario Cutajar qal li għandhom jiġu determinati standards għall-mod kif isiru l-affarijiet fl-istituzzjonijiet, anke fil-Parlament. 

Huwa qal dan fid-diskors tiegħu waqt is-seminar konġunt organizzat bejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-tema: Supreme Audit Institutions: How can they influence governments to address citizens’ concerns.

F’diskors dwar kif l-istituzzjonijiet tal-awditjar jistgħu jinfluwenzaw il-gvernijiet biex jindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini, is-Segretarju Permanenti Ewlieni sostna li jridu jkunu determinati standards kif anke l-fehmiet għandhom ikunu bbażati fuq fatti. 

Qal li bħalma l-Amministrazzjoni Pubblika għandha tkun kontabbli, hekk ukoll l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom ikunu kontabbli għal dak li jagħmlu. Huwa fisser kif dan għandu jsir ukoll partikolarment fil-mod ta’ kif jinkitbu r-rapporti sabiex inkunu tassew ġusti. 

Stqarr ukoll kif l-awditjar tal-ħidma tal-istituzzjonijiet għandu jkun aktar spiss. Dan fl-istess waqt li jitħallew jaħdmu fil-libertà kollha. 

Is-Sur Cutajar tenna li l-kontabilità mhijiex xi ħaġa ta’ moda iżda li trid tkompli tissaħħaħ. Tant li llum jingħata mhux biss rendikont ta’ xi twettaq iżda wkoll kif twettaq.

Dan ifisser li l-kontabilità hija xhieda tal-governanza u li din hija l-aktar pilastru importanti mill-erba’ pilastri li fuqhom hija msejsa l-kwalità tas-servizz. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni fisser kif fl-aħħar snin, il-kontabilità ngħatat tassew il-prova tagħha. Eżempju ta’ dan huwa permezz tal-pubblikazzjoni tat-tweġiba għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, xi ħaġa li fl-imgħoddi kienet issir iżda r-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur kienu jaqgħu fuq widnejn torox, bir-rakkomandazzjonijiet imwettqa kont tgħoddhom fuq il-pala ta’ id waħda. 

Illum il-ġurnata, stqarr li dak li qed isir huwa prova ċara ta’ trasparenza u kontabilità. Fakkar li 78% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali twettqu u qal li għall-ewwel darba ngħatat ukoll ħarsa lejn rapporti oħra. 

Tkellem ukoll dwar l-istrateġija varata riċentament, Mapping Tomorrow, li permezz tagħha jrid jitwettaq il-kunċett tal-once-only principle. Wara din, is-Sur Cutajar qal li l-pass li jmiss ikun strateġija li tinkorpora fiha l-intelliġenza artifiċjali u kif din tista’ tgħin il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin Malti u Għawdxi. 

Fuq kollox, temm jgħid li l-istrateġija li jmiss għandha twassal għal servizz pubbliku brillanti, b’servizz mogħti b’mod eċċezzjonali.