Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191598

PR191598

18/07/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA

Ftehim settorjali għal ħaddiema tal-gvern fil-qasam xjentifiku

Tnejn u tmenin ħaddiem tal-gvern mill-qasam xjentifiku u li jagħtu servizz lil tliet ministeri differenti se jibdew jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom fosthom fis-salarji wara li ġie ffirmat ftehim settorjali għalihom bejn id-dipartimenti governattivi konċernati u l-UĦM. L-aħħar ftehim settorali għal dawn il-ħaddiema kien ġie ffirmat 24 sena ilu. Il-Ministeri li għalihom jaħdmu dawn il-ħaddiema huma l-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u l-Ministeru għal Għawdex. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ppresedew l-iffirmar tal-ftehim. 
 
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-fatt li n-numru ta’ ħaddiema konċernati huwa żgħir ħafna paragunat mal-eluf ta’ ħaddiema impjegati mal-gvern huwa rrelevanti meta tqis l-importanza u r-relevanza tal-professjoni tagħhom. Semma bħala eżempji kif mad-Dipartiment tas-Saħħa hemm aktar minn 9,000 ħaddiem imma huma erbgħa biss li jħaddmu apparat speċifiku waqt l-operazzjonijiet tal-qalb u li mingħajrhom ma tista’ ssir ebda operazzjoni ta’ din ix-xorta. Huma 11 biss id-dietetics li jaraw eluf ta’ nies b’konnessjoni ma’ dieti u tnejn biss fil-qasam tal-orthotics u l-prosthetics li wkoll jaraw  eluf ta’ pazjenti.
 
Min-naħa tiegħu l-Ministru Herrera qal li fir-rigward tal-Ministeru tiegħu, professjonisti konċernati jaħdmu fil-qasam tas-sajd u l-akwakultura; fis-servizzi veterinarji u saħħa tal-pjanti u fi ħdan Ambjent Malta. Huma jwettqu xogħol ta’ riċerka, xogħol ta’ ttestjar fil-laboratorji, ħidma relatata mal-funzjoni tal-ispettorat, kif ukoll xogħol relatat mar-riġenerazzjoni tal-widien u l-ħarsien ta’ siti protetti.
 
Iż-żewġ Ministri rringrazzjaw lil dawk kollha li taw sehem biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim  settorjali u awguraw li t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol iservi biex ikunu attirati żgħażagħ lejn dawn il-professjonijiet.