Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191637

PR191637

24/07/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-IMMANIĠĠJAR TAL-ILMA U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Il-mural ‘Energy Field’ ta’ Gabriel Caruana mogħti lill-Heritage Malta

Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma ta mural dekorattiv taċ-ċeramika bl-isem ta’ ‘Energy Field’ lill-Heritage Malta, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
 
Il-mural huwa x-xogħol tal-artist qatt minsi, Gabriel Caruana. Oriġinarjament, il-mural kien magħmul minn 49 biċċa individwali, li kienet fuq firxa ta’ madwar 7.5 metri u kienet installata fl-impjant tal-enerġija ta’ Delimara.
 
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi fakkar li l-kollezzjoni Gabriel Caruana, li kienet oriġinarjament esebita ma’ ħajt fil-Power Station ta’ Delimara, kienet ingħatat lill-Enemalta fis-snin 90 mill-artist, li kien ukoll impjegat ta’ Enemalta.

Ix-xogħlijiet, żied jgħid il-Ministru, kellhom jitneħħew minn fuq il-post biex jagħmlu spazju għall-infrastruttura tal-power station il-ġdida li taħdem bil-gass u għaldaqstant ġie deċiż li l-kollezzjoni tingħata bħala donazzjoni lil Heritage Malta biex tibqa’ parti mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Il-Ministru faħħar l-inizjattiva tal-Enemalta li ħadet ħsieb li tiffinanzja xogħol ta’ restawr li sar fuq ix-xogħlijiet, minħabba ħsarat li ġarrbu minħabba elementi differenti u riedet li dawn jingħataw fl-aħjar kundizzjoni qabel ingħataw lil Heritage Malta. Ix-xogħol ta’ restawr sewa madwar €8,000.
 
“Grazzi għal din l-għotja, qegħdin insaħħu aktar il-legat ta’ Caruana bħala wieħed mill-pijunieri lokali tal-arti moderna. Filwaqt li qegħdin nikkommemoraw artist kbir, qegħdin ukoll insaħħu l-pjattaforma kulturali u artistika għat-talent lokali u għall-artisti lokali biex inkomplu nżiedu l-professjonalizzazzjoni fis-settur. Aħna rridu ninvestu aktar fis-settur kulturali u kreattiv li qiegħed dejjem jikber, settur li qiegħed ikompli jissaħħaħ u qed jagħtina spettazzjonijiet għolja,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
 
Gabriel Caruana (1929 – 2018) kien artist magħruf fil-qasam tal-iskultura, pittura u ċeramika. Hu kien wieħed mill-pijunieri tal-arti moderna, u kien jesprimi ruħu bi skulturi innovattivi artistiċi tal-injam, papier-mâché, objets trouvés, pitturi u ċeramika.
 
Ix-xogħlijiet tiegħu ġew esibiti f’Malta u kif ukoll lil hinn minn xtutna, fi żmien fejn kien diffiċli biex tivvjaġġa, tibni rapporti u tistabbilixxi ismek lil hinn minn art twelidek. Il-ħbiberija tiegħu u l-kuntatti ma’ artisti, kreattivi u kritiċi tatu esperjenza prezzjuża, introduzzjonijiet u maturità artistika.
 
B’karriera artistika intesniva ta’ medda ta’ 60 sena, hu rċieva bosta rikonoxximenti fosthom il-Midajla għall-Kisbiet Artistiċi (1999), il-Premju Għarfien Kulyutali (2003), u l-midalja tad-deheb tas-Soċjetà tal-Arti ta’ Malta (2014) għal kontribut tiegħu bħala artist u edukatur tal-arti. 
 
Caruana kien elementari biex jagħmel l-arti kontemporanja aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Fl-1990, irnexxielu jikkonverti mitħna antika f’Birkirkara f’ċentru ta’ arti moderna u flimkien ma’ Mary Rose Caruana, waqqaf il-Mill Art, Culture and Crafts Centre li tfittex li tippromwovi artisti lokali.
 
 Il-mural ta’ Gabriel Caruana se jingħaqad max-xogħlijiet tal-artist li huma parti mill-kollezzjoni tal-MUŻA. Parti mill-mural se jiġi esibit għal numru ta’ ġimgħat fil-bitħa tal-MUŻA sabiex jitgawda mill-pubbliku.
 
“Heritage Malta se tkun qiegħda toħroġ numru ta’ sejħiet fil-ġimgħat li ġejjin għal installazzjonijiet u wirjiet artistiċi li huma fuq l-istess linja tal-programm tal- MUŻA għas-snin li ġejjin. Dan se jagħti opportunità lill-komunità artistika lokali biex tesebixxi u turi xogħlha,” qal Noel Zammit, l-Aġent Kap ta’ Heritage Malta.

“Dan kollu jifforma parti mill-istrateġija ta’ Heritage Malta biex il-MUŻA jkompli bil-missjoni tiegħu – dak li jkun mużew tal-arti komunitarju,” ikkonkluda Zammit.