Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191642

PR191642

25/07/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, SPORT U GĦAQDIET TAL-VOLONTARJAT

Insaħħu t-talent żagħżugħ permezz tal-programmi Artivisti u  tal-Iżvilupp għall-Artisti Żgħażagħ

 

Il-Kunsill Malti għall-Arti, li jaqa' fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, u Aġenzija Żgħażagħ, fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat bi pjaċir jixtiequ jħabbru t-tnedija tal-programmi kollaborattivi tagħhom għall-2019 – Artivisti u l-programmi ta' Żvilupp għall-Artisti Żgħażagħ. 

 

"Permezz ta' din il-kollaborazzjoni qegħdin inkomplu nfittxu li nispiraw u noffru sapport lill-aqwa talent żagħżugħ fl-arti, u nipprovdu lill-artisti ġodda Maltin bit-taħriġ, il-monitoraġġ u l-opportunitajiet ta' networking meħtieġa sabiex ikomplu jiżviluppaw il-potenzjal kreattiv tagħhom. Dan kollu jifforma parti mill-istrateġija tagħna biex nagħtu prijorità lill-professjonalizzazzjoni fil-kamp tal-kultura u l-arti, permezz tal-edukazzjoni u t-trawwim tat-talent", qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali Owen Bonnici.

 

L-artisti żgħażagħ magħżula għall-edizzjoni ta' din is-sena ta' Artivisti huma Rachelle Deguara (REA), Sheldon Saliba, Emma Fsadni, Lorraine Galea, Natalie De Gabriele Ferrante u Gabriel Lia. Dawn ser jingħataw pakkett ta' benefiċċji u opportunitajiet għal sena sħiħa. Dawn jinkludu għotja ta' €4,000 għall-proġetti kreattivi tagħhom, is-servizzi ta' mentor professjonali biex jgħinhom fil-karriera artistika tagħhom, il-parteċipazzjoni f'opportunitajiet ta' artist-in-residency u ta' networking ma' 'artivisti' oħra. 

 

Min-naħa l-oħra, il-benefiċjarji tal-programm ta' Żvilupp għall-Artisti Żgħażagħ ser jingħataw għotja ta' €2,000 għall-iżvilupp professjonali tagħhom flimkien ma' programm ma' artist-in-residency, monitoraġġ fi grupp u sapport kontinwu miż-żewġ entitajiet. L-artisti żgħażagħ magħżula huma Cristina Magrin, Destiny Casa, Fabio Mercieca, Illaria Farrugia Pace, Luke Bugeja Gauci, Mark Ciantar u Ella Bonello Ghio.

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima laqa' din il-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet pubbliċi. "Artivisti se jkompli jipprovdi spazju għaż-żgħażagħ fejn iħabbtu l-ideat u jikkomunikaw ma' artisti żgħażagħ oħra sabiex iwasslu l-espressjoni artistika lill-pubbliku. Sena wara l-oħra dawn l-artivisti se joħolqu legat ta' xogħol kreattiv mill-ġenerazzjoni żagħżugħa." Is-Segretarju Parlamentari Grima qal li permezz tat-tisħiħ fit-talent artistiku, din l-inizjattiva se ssaħħaħ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jiżvilupaw it-talenti tagħhom. 

 

L-artisti żgħażagħ ser isiru wkoll membri tal-'Artivisti Alumni Community' sabiex jagħtu s-sapport tagħhom lil artisti emerġenti fl-edizzjonijiet li jmiss tal-programm.  

 

Il-Programm għall-Iżvilupp ta' Artisti Żgħażagħ u Artivisti, li huma parti mill-portafoll ta' skambju fil-komunità tal-Kunsill Malti għall-Arti, huma miftuħa għall-kreattivi ta' bejn l-14 u s-17, u t-18 u l-24 sena rispettivament.  Dawn iservu ta' pont bejn l-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ u l-Istrateġija tal-Kunsill Create2020, bil-mira speċjali fuq il-ħolqien ta' aktar opportunitajiet għall-persuni sabiex jieħdu sehem fil-kreattività.

 

Artivisti jakkumpanja lil organizzazzjonijiet oħra li jagħtu l-għajnuna tagħhom minn Aġenzija Żgħażagħ innifisha, bħal Taħżiż, Divergent Thinkers, u taħriġ fil-mużika għal bandisti żgħażagħ – pjattaformi li l-aġenzija ilha toffri għal dawn l-aħħar snin sabiex tagħti liż-żgħażagħ aktar opportunitajiet fl-arti.

 

Minbarra li jidentifika u jirrikonoxxi lill-aqwa talent żagħżugħ, Artivisti jinvesti fl-iżvilupp u t-trasformazzjoni permezz tal-għarfien, il-ħiliet, l-atitudnijiet, il-valuri u l-iskambju kreattiv, kif ukoll billi jħeġġeġ il-kontribuzzjoni bejn prattikanti artistiċi u l-organizzazzjonijiet lejn l-iżvilupp ta' talent li jipprometti filwaqt li jiffaċilita l-kollaborazzjoni għal proġetti artistiċi.

 

Aktar informazzjoni fuq Artivisti u l-programm ta' żvilupp għall-Artisti Żgħażagħ tista' tinkiseb minn:  https://www.artscouncilmalta.org/