Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191663

PR191663

29/07/2019

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Jidħlu fis-seħħ emendi legali importanti fil-liġijiet tal-kompetizzjoni u l-konsumaturi

Wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali mogħtija nhar it-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), fejn kien ġie deċiż illi l-emendi li kienu daħlu fil-liġi tal-kompetizzjoni lura fl-2011 kienu jmorru kontra l-ispirtu tal-kostituzzjoni, dan il-Gvern intervjena u qiegħed idaħħal fis-seħħ emendi u mekkaniżmi legali importanti bl-għan li pajjiżna jkollu liġi tal-kompetizzjoni robusta konformi mal-Kostituzzjoni ta’ Malta. 


“Permezz ta’ dawn l-emendi, dan il-Gvern qiegħed jimplimenta mekkaniżmi legali importanti li filwaqt illi jsaħħu d-drittijiet fundamentali tal-intrapriżi jew negozjanti kkonċernati, jaċċertaw ukoll li l-Uffiċċji rispettivi jibqgħu mogħnija bis-setgħat b’saħħithom u proċeduri effettivi biex jinvestigaw ksur tal-liġijiet kkoncernati,” saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif “Dawn l-emendi għandhom l-għan aħħari sabiex f’Malta jkun hawn għassiesa għall-kompetizzjoni u għall-protezzjoni tal-konsumatur li jaħdmu f’qafas regolatorju li huwa komprensiv u b’saħħtu, li jirrispetta l-kostituzzjoni u li jkun fuq kollox ekwu għall-benefiċċju tal-konsumaturi, l-intrapriżi u l-kummerċjanti u fl-aħħar mill-aħħar l-ekonomija.”

Fil-fatt, il-mudell amministrattiv unitarju kkontemplat fil-ligi tal-2011, li fih l-istess Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kien jinvestiga ksur potenzjali tal-liġi rispettiva u kif ukoll jieħu deċiżjoni u jimponi rimedju u multa, ser ikun qed jigi sostitwit b’mudell fejn l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jagħmel l-investigazzjoni tal-każ u mbagħad iressaq il-każ quddiem il-Qorti għal deċiżjoni finali li fiha il-Qorti ssib jekk sarx ksur tal-kompetizzjoni u timponi l-multi u r-rimedji opportuni. 

Barra minn hekk, l-emendi li kienu ġew introdotti fl-2011 taw ukoll lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni l-fakultà sabiex iwettaq spezzjonijiet f’kull fond, art u f’kull mezz ta’ trasport tal-intrapriża kkonċernata mingħajr il-ħtieġa ta’ mandat maħruġ mill-Qorti. Din is-sitwazzjoni issa ser tiġi emendata b’tali mod illi l-ispezzjonijiet msemmija jkunu jistgħu jitmexxew biss meta d-Direttur Ġenerali jkun debitament awtorizzat b’mandat maħruġ minn Maġistrat, dan sabiex din is-setgħa tkun konformi primarjament mal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Ser tiġi estiza wkoll l-kompetenza tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) sabiex tisma’ l-każijiet tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur u b’hekk din il-Qorti ser tissostitwixxi t-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur.

Fost diversi emendi oħrajn, ser tiġi inkluża wkoll b’mod espliċitu fil-liġi d-dritt li intrapriża ma tinkriminax lilha nnifisha u anke ser jiġi żgurat id-dritt fundamentali tas-smiegħ xieraq, li jinkludi wkoll id-dritt għall-assistenza legali, fejn persuni suġġetti għall-ispezzjoni ser ikunu jistgħu jiġu assistiti minn rappreżentant legali. 

Dan il-Gvern huwa kommess illi mhux biss jissalvagwardja, b’mod konformi mal-Kostituzzjoni ta’ Malta, id-drittijiet fundamentali tal-intrapriżi, iżda wkoll jassigura kompetizzjoni effetiva bejn l-intraprizi u suq verament ħieles illi finalment jibbenefika minnu l-kosumatur.