Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191665

PR191665

29/07/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Jibda x-xogħol ta’ restawr fuq kampnar tal-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara

Id-Direttorat tar-Restawr, fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-kampnar tal-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara.


Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici,  għamel referenza għall-importanza li nsaħħu l-wirt lokali tagħna.  “Binjiet patrimonjali bħall-knisja tal-kapuċċini, apparti li jġorru sinifikat storiku, għandhom ukoll valur estetiku u artistiku. Id-Direttorat tar-Restawr  qiegħed jaħdem biex iħares il-wirt lokali tagħna permezz ta’ ħafna progetti ta’ restawr madwar gżiritna. Bis-saħħa ta’ dawn l-inizjattivi, nistgħu nagħtu lura l-glorja oriġinali lil binjiet u monumenti storiċi lokali, biex dawn jiġu apprezzati u jitgawdew mis-soċjetà,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici.

L-għan prinċipali għaliex qiegħed isir dan ir-restawr huwa minħabba li ffurmaw xquq fil-parti ta’ fuq tal-kampnar, li jibdew minn mat-travi tal-ħadid. Dawn probabbilment ġew ikkaġunati minħabba tmermir u twessigħ tat-travi. Aktar deterjorament se jkompli jagħmel ħsara lill-ġebel, b’riskju li jaqgħu. Qoxra sewdenija ffurmat fuq il-gwarniċ, u ż-żebgħa tal-uċuħ tal-arloġġ qiegħda titfarfar sew. Il-faċċata għandha wkoll depożiti superfiċjali u nuqqas ta’ tikħil f’xi partijiet.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-kampnar se jikkonsistu fit-tibdil tat-travi tal-ħadid, u injezzjoni b’taħlita apposta fix-xquq il-kbar. It-tindif tal-wiċċ tal-ġebla se jsir b’mod sensittiv, b’mod li tiġi rispettata l-patina oriġinali tax-xogħol tal-ġebla. Ħmieġ organiku se jitneħħa mingħajr ma jsir ħsara lill-wiċċ. L-interventi se jinkludu wkoll l-aplikazzjoni ta’ biocide fejn ikun hemm bzonn, it-tneħħija tal-qoxra sewdenija, tikħil b’taħlita ta’ ġir, u l-omoġenizzazzjoni tat-tessut tal-ġebla.  Xogħol tal-ġebel li hu deterjorat jew għandu ħsara se jinbena mill-ġdid bit-tattika tal-plastic repair. L-uċuħ tal-arloġġ ukoll se jiġu restawrati. In-numri Rumani u s-saffi ta’ żebgħa differenti se jiġu dokumentati. Kull saff taż-żebgħa se jiġi mneħħi bil-galbu u l-uċuħ se jiġu miżbugħa mill-ġdid b’żebgħa bajda bbażata fuq il-ġir. In-numri Rumani se jerġgħu jiġu miżbugħa b’żebgħa sewda eżattament fl-istess post, bl-istess font, daqs u stil.

Il-kunvent u l-knisja tlestew fl-1743 mill-Kapuċċini, il-knisja li għandha sitt altari ġiet imbierka u nfetħet f’dik is-sena stess u ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Paul Alfernan fl-1747. Il-kampnar ġie miżjud wara fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja u ġie mibni bi stil klassiku sempliċi. Id-daqs tal-ġebla li ntużat huwa differenti minn dak tal-knisja, u l-istruttura għandha travi tal-ħadid bħalma kienu jintużaw mis-seklu 19 ‘il quddiem. Il-parti tan-nofs għandha l-makkinarju tal-arloġġ, u hemm arloġġ mekkaniku fuq kull faċċata.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr għandhom jieħdu ħames xhur, b’investiment ta’ €67,435.