Bir-ritmu mgħaġġel li miexja t-teknoloġija qed jiġu ppreżentati sfidi lil kull gvern, sfidi li kollha se jkollhom impatt fuq is-servizzi pubbliċi. Għalhekk l-amministrazzjoni pubblika mbarkat fuq pjan strateġiku għat-tliet snin li ġejjin biex jinbidlu s-sistemi diġitali li biha hija topera.
Dan il-pjan strateġiku huwa l-mappa minn din is-sena sas-sena 2021 u li fih insibu bosta proġetti f'diversi ministeri, entitajiet governattivi u bosta setturi oħra. Dan huwa pjan li se jiddefinixxi l-bażi għall-iżvilupp t'għada biex din tkun kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet ġodda u emerġenti f'pajjiżna.
Waqt it-tnedija ta' din l-strateġija, li saret fil-binja tal-Librerija Nazzjonali fil-Belt, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-pubbliku huwa fiċ-ċentru ta' dan il-pjan. Bil-pubblikazzjoni ta' din l-istrateġija se tkun qed tiżdied t-trasparenza u l-kontabbiltà tal-gvern stess.
Huwa qal kif il-gvern kien minn tal-ewwel li ffissa leġiżlazzjoni fuq id-Distributed Ledger Technology biex dawn it-teknoloġiji jagħmlu l-ħajja aktar sempliċi. Eżempju ċar ta' dan huwa fir-riforma tal-Liġi tal-Kera, fejn il-kuntratti tal-kirjiet se jkunu fuq tali sistema.
Huwa semma diversi eżempji kif permezz tat-teknoloġija, l-amministrazzjoni wasslet għall-effiċjenza fosthom fil-qrati, proċessi eħfef biex tiftaħ negozju, is-sistema tal-myhealth, ID Malta u anki d-diversi formoli aċċessibbli online.
Dr Joseph Muscat rringrazzja lil kull min kien involut fit-tfassil ta' din l-istrateġija u għalaq l-intervent tiegħu billi qal kemm huwa kruċjali li dan il-pjan ikun implimentat fil-ħin.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li għalkemm it-teknoloġija hija l-futur tas-Servizz Pubbliku, ma rridux ninsew lil dawk li ma jafux jew ma jridux jużaw kompjuter. Kien propju fuq dan l-iskop li nfetħu ċ-ċentri ta' servizz.gov mferxxin mal-komunitajiet f'Malta u Għawdex.
It-tema ta' dan il-pjan, Mapping Tomorrow, ntgħażlet propju għax dak li rridu jkollna fil-futur irridu nippreparaw għalih mil-lum. Qal li l-amministrazzjoni pubblika bdiet riesqa lejn l-għan aħħari li s-servizzi jkun aċċessibbli minn kulħadd u minn kullimkien.
Is-Sur Cutajar qal dak li sar f'dawn l-aħħar snin kien rikonoxxut mhux biss permezz t'awards internazzjonali u għax Malta tinsab fost l-aqwa fl-UE fejn jidħol l-egovernment, imma l-akbar rikonoxximent jiġi mill-fiduċja tan-nies fl-amministrazzjoni pubblika.
Tul it-tnedija kien spjegat ukoll kif l-once-only principle huwa l-qofol ta' dan il-pjan fejn il-pubbliku jagħti darba biss l-informazzjoni tiegħu lill-gvern biex b'hekk titnaqqas il-burokrazija u tiżdied l-effiċjenza. Huwa qal li l-ġbir u l-użu tad-data hija l-qofol tat-tiġdid li se jkun qed isir. Hawnhekk intqal kif l-informazzjoni se tkun miġbura b'mod sigur, l-użu tagħha jkun trasparenti u kontabbli u mħaddma etikament.
Wara dan il-prinċipju, ikun imiss li l-amminstrazzjoni pubblika tibda tara kif l-Artificial Intelligence tista' taqdi s-Servizz Pubbliku. Iżda biex nilqgħu għall-AI rridu nibnu l-kapaċitajiet umani kif ukoll strutturi adegwati. Irridu naslu li jkollna Servizz Pubbliku brillanti b'servizz eċċezzjonali.
Din l-istratġeija hija bbażata fuq erba' pjanijiet; l-ewwel pjan jinvolvi amministrazzjoni pubblika li tiffoka fuq il-klijent. Hawnhek se jsir xogħol fuq hubs ġodda ta' servizz.gov, il-ħolqien ta' reġistru għan-negozji u tnedija ta' diversi servizzi fuq il-mobile, fost l-oħrajn. It-tieni pjan jinvolvi programmi għal setturi speċifiċi bħas-saħħa, finanzi, ġustizzja, turiżmu fost l-oħrajn. It-tielet pjan jiffoka fuq soluzzjonijiet interni għat-tħaddim tal-amministrazzjoni pubblika u r-raba' pjan jibbaża fuq pjattaformi u soluzzjonijiet teknoloġiċi.
Wara t-tnedija, tħejja seminar fejn kien spjegat f'aktar dettall dan il-pjan strateġiku. Hawnhekk saret preżentazzjoni miċ-Chairman tal-MITA Tony Sultana rigward il-pjattaforma diġitali li fuqha ser tinbena din it-trasformazzjoni. Għal dan is-seminar kienu mistiedna wkoll id-Direttur tal-AI ta' Price Waterhouse Coopers tal-Ingilterra, Rob McCargow, fejn ta aktar dettall fuq l-AI permezz tal-preżentazzjoni tiegħu, "Our future augmented: AI opportunities, risks and the next generation" u minn Microsoft għall-Ewropa tal-Lvant Ċentrali kien mistieden il-Government Lead Evangelos Chrysafidis fejn tkellem fuq id-"Digital Transformation Path – Trends and Practices."