Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191357

PR191357

19/06/2019

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI, ĊITTADINANZA U SIMPLIFIKAZZJONI TAL-PROĊESSI AMMINISTRATTIVI U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI


Imwettqa 77% tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni fl-2018

Ġiet ippubblikata l-ħames pubblikazzjoni li tagħti rendikont ta’ ħidmet is-Servizz Pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri ta’ simplifikazzjoni mwettqa, din id-darba fl-2018. 

Meta wieħed jgħodd in-numru ta’ miżuri ppjanati u implimentati għall-2018, inkluż dawk pendenti minn snin preċedenti, ir-rata ta’ implimentazzjoni titla’ għal 77%. Dan ma jfissirx li l-kumplament tal-miżuri li jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-2018 se jitwarrbu, anzi dawn se jibqgħu jkunu segwiti sakemm jkunu implimentati.  

Dan tħabbar waqt it-tnedija ta’ din il-pubblikazzjoni mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, Julia Farrugia Portelli u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern qed juri bil-fatti li huwa fuq in-naħa taċ-ċittadini, tal-familji u tan-negozji u mhux tal-burokrazija. Hija semmiet diversi proġetti u inizjattivi li qed ikomplu jtejbu s-Servizz Pubbliku. 

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli għamlet referenza partikolari lejn il-miżura dwar is-simplifikazzjoni tal-proċess tar-rapporti dwar il-moviment tal-persuni minn u lejn Malta, li diġà bdiet tħalli riżultati inkoraġġanti.  

“Sa ftit xhur ilu r-rapporti kienu jsiru mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni u wara jgħaddu għand Identity Malta. F’Marzu l-proċess qassarnieh u beda jsir kollu mill-Uffiċċju taċ-Ċittadinanza,” qalet Farrugia Portelli.

Hija semmiet ukoll li, “fix-xhur li ġejjin numru ta’ applikazzjonijiet sottomessi minn employers Maltin għal ħaddiema barranin se jkunu qed jintlaqgħu online. Dan kollu se jkun qed iwassal għal livelli ġodda ta’ effiċjenza.”

Dan huwa l-ewwel proġett pilota ma’ żewġ setturi importanti f’pajjiżna li qed ikun tested u mistenni jkun varat matul din is-sena stess.

Is-Sur Cutajar fisser kif din il-pubblikazzjoni, flimkien ma’ dawk ippubblikati matul is-sena, bħar-rapport li jagħti tweġiba għar-rakomdazzjonijiet tal-NAO, tal-Ombudsman u kemm il-miżuri jkunu twettqu mill-budget, huma turija ta’ kontabbiltà u trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika.

Huwa qal kif għal darb’oħra, il-prestazzjoni tas-Servizz Pubbliku fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni, baqħet waħda kostanti. Fil-fatt in-numru ta’ mżuri li ġew imwettqa fl-aħħar ħames snin minn dan il-gvern ilaħħaq madwar 750 miżura.

Tul il-konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega x’kienu wħud mill-miżuri li twettqu matul l-2018. Huwa fakkar kif infetħu tliet hubs speċjalizzati ta’ servizz.gov li jinkludu l-edukazzjoni, il-finanzi u s-servizzi għall-familja. Infetaħ uffiċċju ta’ Identity Malta f’Mater Dei biex min ikollu bżonn japplika għal xi notifiki ta’ twelid jew mewt, jew applikazzjoni għal passaporti għat-trabi u tfal taħt is-sitt snin, jista’ jinqeda minn banda waħda. 

Issemma wkoll kif is-Servizz Pubbliku għandu lill-ħaddiema tal-gvern bħala klijenti tiegħu, u għalhekk permezz ta’ KPI mal-Ministeru għal Għawdex issaħħaħ il-proċess kif jinħadmu s-salarji. Kien introdott ukoll servizz biex riċerkaturi li jużaw il-Biblijoteka Nazzjonali jkunu jistgħu jirċievu l-materjal ordnat mill-istess Biblijoteka b’mod elettroniku u mingħajr ħlas. 

Dan kollu minbarra t-tnedija ta’ aktar mservices li llum ilaħħqu għal 70 servizz aċċessibbli 24/7 minn fuq il-mobile. 

L-ippjanar u twettiq ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni għenu lis-Servizz Pubbliku fl-ewwel passi tiegħu lejn it-tiġdid. Fil-fatt hawnhekk ta’ wieħed isemmi l-once-only principle, li permezz tal-introduzzjoni ta’ European Single Prucurment Document, kien iffaċċilitat l-mod kif jiġu sottomessi l-offerti għax-xiri pubbliku tal-Gvern. B’tali sistema, kumpanija interessata f’xiri pubbliku tissottometti l-informazzjoni tagħha darba biss.

Is-Sur Cutajar qal li għalkemm qed jitnaqqsu l-proċessi żejda u bla bżonn, is-servizz qed jiżdiedu biex jakkomodaw aktar bżonnijiet ta’ klijenti u għalhekk awtomatikament qed jiżdied il-valur miżjud f’setturi oħra relatati. 

Huwa qal li mill-once-only principle, issa s-Servizz Pubbliku jrid jgħaddi minn servizz brillanti għal servizz eċċezzjonali li jaspira, jeċċedi u jlaħħaq mal-aspirazzjonijiet tan-nies. Dan filwaqt li jlaħħaq u jikkumplimenta mar-ritmu mgħaġġel li l-pajjiż qed ibiddel lilu nnifsu.