Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191365

PR191365

20/06/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

L-‘mservice’ tas-servizz pubbliku, ‘BiedjaCam’, rebbieħa tal-aqwa użu tat-teknoloġija tat-trasformazzjoni tan-negozju 


BiedjaCam, waħda mill-mservices tas-servizz pubbliku, rebħet il-kategorija tal-aqwa użu tat-teknoloġija tat-trasformazzjoni tan-negozju waqt l-MCA eBusiness Awards 2019. 

Din is-serata mtella’ mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) hija pjattaforma unika li tiġbor flimkien l-intraprenditorija u l-innovazzjoni fl-infrastruttura teknoloġika. 

Il-premijiet mogħtija huma maħsuba li jirrikonoxxu ideat inovattivi u inizjattivi uniċi fl-użu tat-teknoloġija u jservu wkoll bħala mezz ta’ impenn kontinwu man-negozji.  

BiedjaCam hija app innovattiva li tiġbor fiha informazzjoni ġeografika minn stampi meħuda direttament permezz ta’ satellita. 

Fiha għandha integrata l-funzjoni meqjusa bħala Intelliġenza Artifiċjali li tipproċessa d-data, bl-app wara tikkomunika mal-bdiewa biex jipprovdu ritratti tal-art agrikola tagħhom.

BiedjaCam tagħti wkoll stampa tal-użu tal-art agrikola kif tkun qed tinħadem billi tikkombina data minn ritratti f’format 3D, tirreġistra l-inħawi permezz tal-GPS, tieħu immaġni permezz ta’ satellita u toħloq dik magħrufa bħala augmented reality. 

Din l-mservice hija biss waħda minn aktar minn sebgħin mservice li l-pubbliku jista’ jaċċessa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa - mservice li qed tersaq pass eqreb lejn il-viżjoni li l-ispezzjonijiet agrikoli jsiru b’mod teknoloġiku u mhux aktar fuq il-post u li sussegwentament iwasslu għal inqas skariġġ għaċ-ċittadin u gwadann ta’ ħin prezzjuż għall-bdiewa waqt ħidmiethom. 

Barra minn hekk, jingħata wkoll rwol attiv lill-bdiewa nfushom fil-proċess tal-ispezzjonijiet u jnaqqas dejjem aktar ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli. 

Għaldaqstant dan il-premju jkompli jibni fuq suċċessi diġà miksuba mis-servizz pubbliku f’dawn l-aħħar snin sabiex verament ikun servizz brillanti.