Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191448

PR191448

29/06/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Ministri għas-saħħa Ewropej f’Malta fis-sentejn anniversarju tal-Valletta Declaration

Bejn il-11 u t-12 ta’ Lulju f’pajjiżna se jkun hawn numru ta’ Ministri u rappreżentanti tal-qasam tas-saħħa ta’ diversi pajjiżi Ewropej firmatarji ta’ dik magħrufa bħala l-Valletta Declaration.

Eżattament sentejn ilu, waqt il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, u fuq inizjattiva tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, numru ta’ pajjiżi qablu li jaħdmu flimkien biex jassiguraw aċċess għall-mediċini ġodda u trattamenti innovattivi għaċ-ċittadini u dan billi jaħdmu flimkien fl-aqwa interess taċ-ċittadini Ewropej.

Dan wassal biex kull pajjiż firmatarju jkollu grupp ta’ nies tekniċi li jiltaqgħu b’mod regolari u jiffaċilitaw l-aċċess għall-mediċini. F’pajjiżna l-Valletta Technical Committee se jkun qed jiltaqa’ għat-tmien darba.

Il-Valletta Declaration hija ffirmata minn Malta, Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja. 

F’għeluq is-sentejn mill-Valletta Declaration, il-Ministri għas-saħħa firmatarji se jkunu mill-ġdid qed jiltaqgħu f’pajjiżna biex jerġgħu jirriaffermaw l-appoġġ tagħhom għal din id-dikjarazzjoni, filwaqt li juru l-apprezzament tax-xogħol kollu li sar matul l-aħħar sentejn mill-Valletta Technical Committee.