Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190468

PR190468

07/03/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Konsulenti tad-dijabete fiċ-ċentri tas-saħħa

Fil-ġimgħat li ġejjin, fiċ-ċentri tas-saħħa se jibda jkun hemm is-servizz ta’ konsulenti tad-dijabete, biex b’hekk pazjent ma jkollux għaliex neċessarjament imur Mater Dei biex jara konsulent dwar id-dijabete.


Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt inizjattiva oħra bit-tema Healthy Living in the Community, li saret fil-lokalità tal-Mellieħa. 

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, tim mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u tim mid-Dipartiment għall-Kura Primarja qegħdin jinagħqdu flimkien f’lokalità fejn isiru xi testijiet mediċi kif ukoll jingħata tagħrif siewi għal saħħithom u jagħmlu xi eżerċizzju fiżiku wkoll.

Preżenti għall-attività kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis li stqarr li attività bħal tal-lum hija evidenza ta’ kif l-anzjani qegħdin fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern, mhux biss permezz ta’ investiment dirett għall-anzjani imma anke permezz ta’ servizzi indiretti. 
 
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis spjega  kif il-Ministeru għas-Saħħa u s-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jaħdmu flimkien sabiex l-anzjani jibqgħu b’saħħithom u attivi fil-komunità. Irringrazzja wkoll lid-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u lil Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-kollaborazzjoni sabiex ikunu jistgħu jittellgħu attivitajiet ta’ valur għall-anzjani fil-komunità. 
 
“Il-konsulenti tad-dijabete fiċ-ċentri tas-saħħa, huma biss ħolqa waħda minn numru kbir ta’ inzjattivi li ħadna fl-aħħar snin fil-qasam tad-dijabete. Bdejna bit-tnedija tal-politika nazzjonali għad-dijabete, bl-introduzzjoni ta’ mediċini ġodda fuq il-formularju tal-Gvern, u bi stikek biex jiġi ċċekkjat id-dijabete għal kull min hu dijabetiku u jieħu xi trattament”, qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.