Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190479

PR190479

08/03/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Laqgħa interministerjali għat-twettiq u l-ippjanar għall-Ministeru għal Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, ippresedew waqt laqgħa interministerjali għat-twettiq u l-ippjanar tal-Ministeru għal Għawdex.

 

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li għalkemm il-Ministeru għal Għawdex hu kkunsidrat bħala ministeru żgħir fuq skala nazzjonali, ir-responsabbiltà li jħaddan hi waħda kbira li tolqot direttament il-ħajja ta' kull resident fil-ġżira Għawdxija, gżira reġjun bl-isfidi, il-bżonnijiet, u l-opportunitajiet kollha tagħha.

 

"Għawdex tal-lum mhux Għawdex tal-bieraħ", qalet il-Ministru Caruana, fejn spjegat li minn mażra, Għawdex inbidel f'reġjun li qed jattira lejh numru kbir ta' viżitaturi kull sena u li qed jesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi li minnu qed igawdi Għawdex u l-Għawdxin, tkabbir ekonomiku li saħansitra qabeż lil dak ta' Malta.

 

Bi pjan ċar, Għawdex qed jesperjenza l-inqas rata ta' qgħad bl-ikbar parteċipazzjoni ta' nisa u persuni b'diżabilità fid-dinja tax-xogħol, u dan peress li ġew varati numru ta' miżuri u inċentivi, qalet il-Ministru Caruana. "Apparti dawn l-inċentivi, il-ministeru pjana u qed jaħdem biex jassigura aktar faċilitajiet lill-SMEs, li huma ikkunsidrati bħala pilastru fit-tkabbir ekonomiku tal-gżira Għawdxija", sostniet il-Ministru għal Għawdex.

 

Il-Ministru Caruana spjegat kif matul is-sena l-oħra, il-Ministeru rnexxielu jattira lejh aktar Fondi Ewropej biex jitwettqu proġetti ġodda. Il-Ministru Caruana qalet li l-ikbar sfida li ser ikun qed iħabbat wiċċu magħha Għawdex hu biex jinżamm il-momentum li qabad, u dan jista' jseħħ permezz tat-twaqqif tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta' Għawdex li ser tkun iffukata biex timplimenta l-viżjoni sas-sena 2030. "Permezz ta' din l-istrateġija, qed naraw lil Għawdex iktar konness, bi proġetti u inizjattivi biex nippreservaw ir-ruralità u s-sbuħija naturali, imma wkoll biex ikollna Għawdex iktar vibranti, enerġetika, u b'niċeċ ekonomiċi ġodda biex nerġgħu nattiraw lura t-talenti li matul is-snin telqu", qalet il-Ministru Caruana.

 

Il-Ministru kkonkludiet li għalhekk tinħass il-ħtieġa li jiġi rristrutturat u msaħħaħ il-Ministeru għal Għawdex biex dan ikun ippreparat għall-isfidi ta' għada, u biex inkunu ta' servizz għall-poplu, kif ukoll effiċjenti u kontabbli biex Għawdex ikompli jgawdi minn din il-mixja 'l quddiem.

 

Fl-intervent tiegħu fil-ftuħ tal-laqgħa ministerjali u fl-okkażjoni ta' Jum in-Nisa, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar beda billi fakkar fil-kontribut tan-nisa fis-Servizz Pubbliku. Mill-2012 sa issa, in-numru ta' nisa f'pożizzjoni ta' diretturi fis-Servizz Pubbliku rdoppja u laħaq l-40% u fejn jidħlu assistenti diretturi dan qabeż il-50%.

 

Is-Sur Cutajar semma wkoll l-ambjent li nbena biex in-nisa jieħdu sehem iktar attiv fil-ħajja ekonomika  kif ukoll fis-Servizz Pubbliku. Hu fakkar li mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi s-sena li għaddiet 55% ta' dawk li ggradwaw kienu nisa.

 

Fuq nota differenti, is-Sur Cutajar semma li Għawdex mhux ministeru bħall-oħrajn. Ix-xogħol ta' dan il-ministeru jmiss max-xogħol tal-gvern kollu u minkejja l-iżvantaġġ tiegħu li jrid ilaħħaq max-xogħlijiet tal-kumplament tal-ministeri, għandu l-vantaġġ li jieħu ħsieb reġjun sħiħ u allura jista' jiffoka fuqu. Madanakollu, is-Servizz Pubbliku f'Għawdex irid joħloq dak kollu meħtieġ biex Għawdex jieħu fuqu r-responsabbiltajiet meħtieġa biex ir-residenti jgħixu aħjar. Fost l-oħrajn is-Servizz Pubbliku jrid jindirizza l-insularità doppja tal-gżira u joħloq ambjent fejn il-ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex.

 

Fost il-miri ewlenin, is-Servizz Pubbliku jrid li jżid proġetti biex Għawdex jikseb aktar turiżmu kif ukoll reklamar bħala gżira individwali. Is-Sur Cutajar qal li jemmen li Għawdex għandu l-kriterji kollha biex jaqdef għal rasu u jiġbed aktar nies lejh, filwaqt li jiddistingwi ruħu minn Malta.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni fakkar ukoll li s-Servizz Pubbliku m'għadux l-issue politika ta' sitt snin ilu iżda ssaħħaħ biex sar aċċessibbli għal kulħadd minn kullimkien 24 siegħa kuljum. L-ippjanar ma kienx dejjem parti mill-kultura tas-Servizz Pubbliku, iżda llum il-ġurnata nippretendu li jkun hemm twettiq, ippjanar u kontabilità kif ukoll kwalità li tistrieħ fuq erba' pilastri li identifikaw u taw tifsira għall-kwalità.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni rrefera wkoll għan-numru ta' servizzi online biex il-klijent jinqeda mill-kumdità ta' daru u l-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea li poġġa lil Malta fl-ewwel post fejn jidħol l-egovernment mingħajr ma warrab lil dawk li ma jħossuhomx komdi jikkomunikaw online.

 

F'pajjiż b'ekonomija dipendenti mir-riżorsi umani u b'Servizz Pubbliku aktar effiċjenti, is-Sur Mario Cutajar ikkonkluda li mat-tajjeb li diġà sar, fadal xi jsir biex eventwalment nilħqu l-punt ta' eċċellenza.