Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190483

PR190483

08/03/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA In-nisa jokkupaw aktar min-nofs il-pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tan-Nisa, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli varat konsultazzjoni pubblika fuq strateġija nazzjonali dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fl-oqsma kollha tal-Gvern, strateġija li għandha twassal għall-introduzzjoni ta' liġi ġdida li se ssostni l-ugwaljanza fil-livelli u l-istrutturi kollha tas-soċjetà tagħna.

 

Waqt li fakkret f'dawk il-miżuri li xprunaw is-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol—primarjament il-proviżjoni ta' childcare mingħajr ħlas, l-in-work benefit, u l-fond tal-leave tal-maternità li naqqas id-diskriminazzjoni fuq in-nisa li jkunu qed ifittixu impjieg—il-Ministru saħqet li issa jmiss li nibnu fuq dawn is-sisien sodi biex nimmassimizzaw il-potenzjal ta' kull mara u tifla f'pajjiżna.

 

F'dan il-kuntest il-Ministru Dalli fissret kif minkejja li l-pajjiż qed jinvesti ħafna fl-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nisa, mhux qed naħsdu biżżejjed frott minn dak l-investiment minħabba ċirkostanzi varji li l-mara taffaċċja tul ħajjitha.

 

Huwa proprju għalhekk li l-Ministeru waqqaf il-Kunsill Konsultattiv dwar id-Drittijiet tan-Nisa—li jiġbor fih dawk l-entitajiet mhux governattivi li jaħdmu f'dan il-qasam—u taqsima speċjalizzata fuq l-ugwaljanza fid-Dipartiment tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni, żewġ fergħat li flimkien fasslu strateġija msejsa fuq tmien pilastri ewlenin li jsegwu l-linji gwida tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

 

B'hekk se nimxu pass lil hinn mill-ugwaljanza fil-prattika, u se mmorru għal ugwaljanza minsuġa fil-liġi tagħna biex din il-perspettiva importanti tkun il-bażi għal kull ma nagħmlu fis-settur pubbliku u eventwalment fis-settur privat, żiedet il-Ministru Dalli.

 

Hawnhekk appellat lis-settur privat biex isegwi l-aqwa prattiċi tas-settur pubbliku, li issa ilu għal diversi snin jinkludi l-perspettiva tal-ugwaljanza fl-operat tiegħu. Il-Ministru Dalli rrimarkat li fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu, in-nisa jokkupaw aktar min-nofs il-pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet. 

 

Dan kollu sar fil-kuntest ta' politika komprensiva li wasslet għat-traspożizzjoni tal-Konvenzjoni t'Istanbul li żiedet il-protezzjoni għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, u r-ratifikazzjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni fuq in-Nisa, liema ratifikazzjoni se toffri pjattaforma oħra biex nisa vittmi ta' diskriminazzjoni jiksbu rimedju mingħand bord rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti.

 

Il-Ministru Dalli qalet li l-kisbiet elenkati u l-pjan 'il quddiem huma l-aqwa xhieda ta' Gvern femminista li mhux se jieqaf qabel ma jkollna ugwaljanza sħiħa fl-isferi u l-oqsma kollha ta' pajjiżna. "Se nibqgħu naħdmu sakemm Jum il-Mara isir jum ta' ċelebrazzjoni u mhux jum ta' sejħa għall-azzjoni", temmet il-Ministru Dalli.